Friday, May 3, 2024

Papa Franġisku jiċħad li qed jippjana li jirreżenja

Aqra wkoll

Papa Franġisku ċaħad l-għajdut li se jkun qiegħed jirriżenja fil-futur qarib. Huwa tenna li bħalissa qiegħed jipprepara għal żjara ġewwa l-Kanada, u mbagħad wara qiegħed jispera li jagħmel żjara f’Moska u anke Kiev. 

F’intervista esklussiva li Reuters għamlet mal-Papa fir-residenza tiegħu fil-Vatikan, il-mexxej tal-Knisja Kattolika ċaħad ukoll l-għajdut li ċċirkolaw li huwa qiegħed isofri mill-marda tal-kanċer filwaqt li għall-ewwel darba ta dettalji dwar il-kundizzjoni ta’ rkopptu li xekklitu ħafna fl-impenji li kellu dan l-aħħar.

L-għajdut li l-Papa qiegħed jippjana li jirriżenja qamu hekk kif lejn l-aħħar ta’ Awwissu li ġej se jsiru għadd ta’ avvenimenti importanti fosthom diskussjonijiet mal-kardinali kollha tad-dinja dwar kostituzzjoni ġdida għall-Vatikan, ċerimonja biex jiddaħħlu kardinali ġodda, kif ukoll żjara li l-Papa se jagħmel fil-belt Taljana ta’ L’Aquila. L’Aquila hija belt assoċjata mal-Papa Caelestinus V li kien irriżenja mill-kariga fl-1294. Papa Benedittu XVI kien ukoll żar din il-belt erba’ snin qabel irriżenja fl-2013; l-ewwel Papa li rriżenja f’dawn l-aħħar 600 sena. Dawn kollha kienu qed iqanqlu suspetti li l-Papa Franġisku se jirriżenja wkoll.

Iżda l-Papa, waqt l-intervista, qal li dawn huma kollha koinċidenzi u qal li l-possibbiltà ta’ riżenja qatt ma ħabtet ma’ moħħu, għall-inqas s’issa. Minkejja dan il-Papa reġa’ tenna l-pożizzjoni tiegħu – li kien qalha diversi drabi fil-passat – li huwa jista’ jkun li jikkontempla li jirriżenja jekk saħħtu ma tibqax ittih u tagħmilha impossibbli għalih li jmexxi l-Knisja. 

Dwar il-kundizzjoni tal-irkoppa, il-Papa qal li huwa kien sofra minn “ksur żgħir” kawża ta’ pass ħażin li kien ħa meta kellu l-ligamenti tal-irkoppa iffjammati. Huwa qal li jinsab tajjeb u qiegħed jirkupra ma’ kull jum li għaddi. Il-Papa tenna li fil-preżent qiegħed għaddej bit-terapija magnetika u bil-lejżer. 

Sport