Thursday, October 10, 2024

“Ċert li hawn Laburisti rrabbjati” … Delia mill-ġdid jinsisti li Abela għandu jkeċċi lil Muscat

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia beda l-intervista tiegħu fuq NET FM waqt il-programm ‘Issues’ billi qal li hu ħalla kollox biex jidħol f’din l-isfida li pajjiżna jerġa’ jsir wieħed “normali”.

Delia qal li f’pajjiż normali tħoss il-libertà tad-demokrazija u għalhekk qal li l-Partit Nazzjonalista sa minn snin ilu, kull ġurnata kien jaħdem biex ibiddel. Qal li llum il-ġurnata din ir-responsabbilità tal-partit nazzjonalista hija ikbar. Delia qal li l-Partit għadu jemmen li għad jerġa’ jsir il-partit tan-nies.

Rigward il-pandemija, Delia qal li “kien hemm, għad hemm u se jibqa’ jkun hemm diżgwit fil-PL”. Qal li fid-deher kien hemm Chris Fearne li kien qiegħed jimxi bix-xjenza fuq il-pariri mediċi, meta fuq in-naħa l-oħra kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela li kien reattiv u selettiv.

Qal li fl-ewwel mewġa kien hemm għaqda bejn l-awtoritajiet u l-pubbliku, iżda imbagħad l-istess Prim Ministru kien “immatur” u qal li “rbaħna”. Qal li meta fid-dinja kollha jkollok il-mexxejja jieħdu d-deċiżjonijiet, Abela “abbanduna” lill-poplu fuq vaganza.

Rigward is-sitwazzjoni finanzjarja, Delia qal li hemm ħafna persuni f’riskju ta’ faqar li huwa biss il-Partit Nazzjonalista li qed jitkellem dwarhom.

Dwar allegazzjonijiet fil-konfront tal-eks Prim Ministru u l-eks Chief of Staff Keith Schembri li komplew fl-aħħar jiem fil-Qorti, Adrian Delia beda biex jiċċara differenza li kien hemm fl-aħħar xhur. Qal li l-ħidma li qed issir fil-preżent; bil-pulizija taħdem fi żmien qasir biex issolvi qtil doppju hija parti mill-effett ta’ Kummissarju ġdid, xi ħaġa li l-PN kien ilu jisħaq dwar il-bżonn tagħha.

Delia qal li hu ċert li l-Laburisti wkoll huma rrabbjati li lil dawk li fdaw spiċċaw ħakmu l-partit u involuti “f’dan il-ħmieġ”.

Delia mill-ġdid insista li hija tal-mistħija li din ir-rabja tal-poplu, il-Prim Ministru qed jinjoraha. Huwa qal li hija tal-mistħija li sigħat wara tali allegazzjonijiet, Robert Abela għadu ma tkellimx dwar il-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat u mill-ġdid insista li dan għandu jkeċċi lill-istess Joseph Muscat minn konsulent.

Il-Kap tal-PN qal li sa mill-ewwel ġurnata tiegħu kien inkarigat li jwassal biex il-PN jerġa’ jsir il-partit tan-nies u jaħħlihom jipparrteċipaw fil-politika li twassal biex tbiddlilhom ħajjithom.

Sport