Saturday, October 26, 2024

“Ċerta li kif jgħid l-innu tal-iskola, kollha flimkien kapaċi nagħmlu affarijiet kbar” 

Corinna Baldacchino, għalliema tal-Fiżika fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport

Aqra wkoll

L-Iskola Nazzjonali tal-Isport hi waħda mill-uniċi istituzzjonijiet li tispeċjalizza fil-qasam sportiv filwaqt li żżewweġ flimkien il-qasam akkademiku. Ilha miftuħa sa minn Settembru 2012 u f’dawn is-snin qed tagħti bosta opportunitajiet lil studenti żgħażagħ Maltin u Għawdxin sabiex jiżviluppaw l-isport li huma normalment jieħdu sehem fih. Din l-iskola tinsab f’Pembroke eżatt maġenb il-Luxol Stadium u għandha madwar 240 student mill-etajiet ta’ bejn il-11 u s-16-il sena. Dawn l-istudenti jsegwu kurrikulu partikolari li kif għedna jħallat l-isport li huma jipprattikaw mas-suġġetti normali li jitgħallmu fl-iskola sekondarja.

L-għalliema huma kkwalifikati fis-suġġett rispettiv tagħhom u magħhom ingħaqdu diversi kowċis oħra li fil-passat kienu wkoll jipprattikaw sport partikolari u li eċċellaw fi żmienhom. Fost l-oħrajn, Corinna Baldacchino hija għalliema tal-Fiżika fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport. Għandha diversi passatempi għal qalbha fosthom il-kant, il-pittura, l-immudellar, l-ivjaġġar u l-avventura.

Mhux darba jew tnejn li Baldacchino tħobb tqatta’ l-ħin liberu tagħha permezz ta’ mixi fit-tul madwar il-kosta sabiħa Maltija jew tgawdi n-natura li għandha madwarna. Hemmhekk hi timmedita filwaqt li tirrilassa mill-ħajja stressanti ta’ kuljum.

Corinna tħobb ħafna xogħolha u għalhekk tgħallem bil-qalb il-fiżika u anke x-xjenza lit-tfal li jinsabu f’din l-iskola li fost l-oħrajn hi speċjalizzata fl-isport. Ilha tgħallem hemm sitt snin u tinsab kuntenta li t-tfal li s-surmast tal-iskola fdalha jitgħallmu, jipparteċipaw u jagħmlu l-almu kollu tagħhom. Fuq kollox hi tiggosta lit-tfal li apparti l-lat akkademiku li qed jeċċellaw fih, qed jagħmlu sforz kollettiv anke sportivament fejn qed jieħdu sehem fl-isport rispettiv tagħhom filwaqt li jtejbu l-ħiliet tagħhom.

“Nieħu gost nara lit-tfal tagħna jirnexxu. Huma jagħtu l-mija fil-mija tagħhom f’kull ħaġa li jagħmlu u nammirahom kif jirnexxielhom jintegraw il-lat akkademiku kif ukoll dak sportiv. Huma kapaċi jqassmu l-ħin, xi ħaġa li aħna nisħqu ħafna magħhom ħalli ma jħallu barra xejn, la taħriġ, la xogħol tad-dar u lanqas studju. Huma tassew studenti speċjali għalina!”

Ftit tal-ġranet ilu, Corinna kienet involuta f’inizjattiva ferm sabiħa li għandha x’taqsam mal-iskola nazzjonali tal-isport.

“Hekk kif f’Settembru li ġej l-iskola tagħlaq għaxar snin miftuħa, inħass il-bżonn li jkollna innu uffiċjali. Din l-idea kienet ilha tberren f’moħħi u sa fl-aħħar ridt nagħmilha realta’. Kellimt lis-surmast, is-Sur Robert Magro li ovvjament ma qallix le. Xammart il-kmiem u bdejt naħdem.”

“Peress li jien dilettanta tal-kant, kif għedt ftit aktar qabel f’din l-intervista bdejt bix-xogħol tiegħi sabiex infassal dan l-innu. Jien ivvintajt il-lirika u l-melodlija, imbagħad wara ħadt il-pariri tekniċi tal-kompożitur Sean Vella fejn fassalli l-mużika għal magħhom. Wara li kollox ġie miktub u kantat, kien imiss lili li naqbad grupp ta’ studenti mill-ewwel sena u ngħallimhom dan l-innu. Huwa innu partikolari li jagħti identita’ lill-iskola tagħna li tħabrek tant mal-istudenti tagħna!”

Staqsejna lil Corinna dwar il-messaġġ li fih dan l-innu. Hi qaltilna li l-lirika tal-kanzunetta hi waħda li tagħti ġieħ lix-xogħol li jsir f’din l-iskola mill-istaff kollu fosthom it-tmexxija tal-iskola, l-għalliema, il-ħaddiema anċillari u fuq kollox mill-istudenti li mingħajrhom il-bini tal-iskola ma jkun ifisser xejn. 

“Hi kanzunetta li fih jissemmew id-determinazzjoni, l-impenn u s-sagrifiċċju li jagħmel kull wieħed u waħda minna filwaqt li wara dan kollu jasal is-suċċess mixtieq.”
“It-tfal jaħdmu qatigħ, jistudjaw, jipprattikaw l-isport favorit tagħhom u eventwalment jirnexxu f’kollox. Dan kollu għax kien hemm dedikazzjoni u biha jaslu r-riżultati mixtieqa.”

“Hemm ukoll vers fejn jgħid li dawn it-tfal qatt ma jaqtgħu qalbhom minkejja li jiltaqgħu f’xi diffikulta’ u wara li jegħlbu l-isfidi kollha involuti, jħossuhom kburin li waslu fejn jixtiequ.”

Corinna tgħid li personalment kienet ferm kuntenta bir-riżultat finali ta’ dan l-innu għax kemm fil-lirika kif ukoll fil-melodija ħarġu elementi li verament ifissru l-objettivi ta’ din l-iskola.

Finalment saqsejna lil Corinne Baldacchino dwar il-futur li għandha din l-iskola li tinsab f’Pembroke. 

“Bla dubju li l-futur hu ferm sabiħ. Hemm rieda qawwija minn kulħadd bejn l-amministrazzjoni tal-iskola u l-istaff tant ħabrieki magħmul minn edukaturi professjonali u serji f’xogħolhom li lesti joffru ambjent sabiħ u fuq kollox mimli tagħlim għall-istudenti tagħna.”
“Ċerta li kif jgħid l-innu tal-iskola, kollha flimkien kapaċi nagħmlu affarijiet kbar!”

Sport