Tuesday, December 24, 2024

Ċertifikat prestiġjuż għal Heritage Malta

Aqra wkoll

It-Taqsima tad-Diġitizzazzjoni ta’ Heritage Malta ngħatat iċ-ċertifikat ISO9001 mil-
Lloyds Register Quality Assurance. Dan huwa l-ewwel dipartiment fi ħdan l-aġenzija nazzjonali għall-wirt kulturali li kiseb dan iċ-ċertifikat prestiġjuż.

Iċ-ċertifikat ISO9001 jirrikonoxxi sistemi ta’ management ta’ kwalità skont sett ta’ kriterji u prinċipji stabbiliti li jinkludu attenzjoni sħiħa fuq dak li jrid il-klijent, il-motivazzjoni tal-ogħla uffiċjali tal-management, il-mod kif isiru l-proċessi, kif ukoll it-titjib kontinwu. Dan jgħin biex ikun żgurat li l-klijenti jingħataw prodotti u servizzi ta’ kwalità għolja b’mod konsistenti – fattur li minnu nnifsu huwa ta’ benefiċċju għal min jipprovdi dawn il-prodotti u servizzi.

Fil-każ tat-Taqsima tad-Diġitizzazzjoni ta’ Heritage Malta, iċ-ċertifikat ikopri l-
provediment ta’ servizzi ta’ diġitizzazzjoni tal-wirt kulturali tanġibbli fdat f’idejn Heritage Malta, inklużi aspetti intanġibbli wkoll. Id-diġitizzazzjoni tiżgura l-aktar użu mifrux possibbli mill-ġenerazzjonijiet tal-preżent u tal-ġejjieni.

F’kumment dwar il-kisba ta’ dan iċ-ċertifikat, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li l-aġenzija taħdem kontinwament biex ittejjeb l-istandards ġenerali tal-kwalità u l-effiċjenza tagħha fil-mod kif tippreserva u tikkomunika l-wirt kulturali fdat lilha. “L-għoti ta’ dan iċ-ċertifikat huwa pass important għall-aġenzija tagħna, għax jixhed l-istandards għoljin milħuqa mit-tim tad-Diġitizzazzjoni filwaqt li jservi bħala eżempju għal taqsimiet oħra fi ħdan l-aġenzija,” qal Noel Zammit.

Anthony Cassar, li jmexxi t-Taqsima tad-Diġitizzazzjoni, qal li ċ-ċertifikazzjoni ISO9001 timmarka l-qofol ta’ proċess ta’ tħejjija ta’ madwar sena li matulu l-proċeduri interni tat-taqsima ġew iddisinjati mill-ġdid biex konformi għalkollox mar-rekwiżiti stretti ta’ kwalità stabbiliti mill-entità li toħroġ iċ-ċertifikat. Iċ-ċertifikat miksub hu rikonoxxut internazzjonalment, u għalhekk hu iktar u iktar important għal Heritage Malta bħala l-aggregatur uffiċjali tad-dejta tal-wirt kulturali nazzjonali, qal Anthony Cassar.

Ekonomija

Sport