Thursday, April 18, 2024

IR-REGOLA TAL-UNANIMITÀ

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Għaddej sforz kbir biex b’mod jew ieħor tinħall ir-regola tal-unanimità fit-
tmexxija ta’ numru ta’ oqsma fl-Unjoni Ewropea. Fost l-oqsma konċernati, insibu it-taxxi, il-politika barranija u ta’ difiża, l-immigrazzjoni u aspetti tat-tmexxija finanzjarja tal-Unjoni.

Dawn l-isforzi jistgħu jissejħu “federalisti”; iridu tmexxija aktar ċentralizzata
fl-Ewropa jew iressqu lejha. Qed imexxuhom numru ta’ gvernijiet – ibda minn Franza; ta’ spiss il-Kummissjoni Ewropea; u maġġoranza tal-membri tal-Parlament Ewropew miġbura mill-gruppi politiċi ewlenin taċ-ċentru lemin u xellug.

Ir-regola tal-unanimità tassigura li ċerti deċiżjonijiet jittieħdu bil-qbil tal-
membri kollha. Tissalvagwardja l-pożizzjoni fuq materji li għadhom ma daħlux taħt il-kompetenza tal-Unjoni ta’ pajjiż jew ieħor, anke l-iċken wieħed, mitqiesa minnu bħala ta’ interess nazzjonali vitali.

Ma nistgħux ngħidu li jekk titneħħa l-unanimità, l-interess Malti dejjem bilfors
jintlaqat ħażin. Pereżempju, mingħajrha kienet tista’ titfassal politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni u jitnaqqas it-tħarbit li din iġġib fil-Mediterran. Madankollu meta tqis l-istampa ġenerali ma jidhirlix li t-tneħħija tal-unanimità jista’ jkollha effetti pożittivi fuq il-qagħda diplomatika ta’ pajjiżna fil-qafas Ewropew.

JITBIKKEW DWAR KOLLOX

Hemm kummentaturi li saru esperti tal-biki u tal-qrid. Kull ma jiktbu hu dwar kemm mar lura l-pajjiż u xi gvern inkapaċi jew testard jew agħar għandna. Mhux kollha huma Nazzjonalisti patentati imma kollha allajbierek speċjalizzaw f’dil-linja ta’ kummenti fl-aħħar snin.

Issa veru li jeżistu affarijiet li sejrin żmerċ. Jien ukoll ġieli semmejthom. Imma
li ssostni l-ħin kollu kif kollox iswed ma jagħmilx sens. Għax hemm oqsma – u mhumiex ftit fejn il-pajjiż qed jofroq ’il quddiem kif turi l-istatistika Ewropea – oqsma fejn il-gvern qed jieħu b’suċċess deċiżjonijiet siewja u kuraġġużi.

Min jitbekka dwar kollox x’aktarx isir wisq prevedibbli. Anke meta jkollu raġun, jispiċċa jitilfu.

SANTA LIENA

It-18 ta’ Awwissu hi data dedikata lil Santa Liena skont il-kalendarju tal-
Knisja Kattolika Rumana. F’Birkirkara iċ-ċelebrazzjoni tal-festa tagħha saret tinżamm fil-Ħadd li jiġi wara din id-data.

Ftit jista’ jkun hemm dubju li bħala personalità, Elena kellha rwol importanti
fi żmien ta’ bidla storika. Għalkemm jissemma l-aktar is-sejba minnha (?) tas-salib li fuqu nqatel Kristu, aktar naħseb li kienet reali l-qalba li ġab binha l-imperatur Kostantinu fl-ideoloġija uffiċjali tal-Imperu Ruman. Sa ftit deċennji wara Kostantinu u Elena ddikjaraw rwieħhom Insara, dawk bi twemmin pagan kienu qed jiġu soġġetti għal persekuzzjonijiet mill-aktar ħorox.

Forsi kienet idea tajba li minflok tiġi mfakkra dil-bidla profonda, iċ-ċelebrazzjonijiet jikkonċentraw l-aktar fuq il-leġġenda tas-salib – li hi waħda ħelwa. Matul is-sekli tqieset bħala vera minn numru ta’ awtoritajiet ekkleżjali.

Ekonomija

Sport