Tuesday, October 22, 2024

Charles Buttigieg in Concert Jirritorna b’Serata ta’ Opri u Kanzunetti Naplitani u Maltin

Aqra wkoll

Nhar is-Sibt 6 ta’ Lulju, Pjazza Santa Luċija f’Għawdex ser tospita l-baritonu ta’ fama internazzjonali Charles Buttigieg għal serata ta’ opra, kanzunetti klassiċi Maltin u Naplitani, u oħrajn popolari. Akkumpanjat minn Ilyas Ige Sultana, il-mezzo-soprano Amerikana Katherine Dobbs, is-sopran Miriam Cauchi, l-kantant Gianluca Bezzina, Schola Cantorum Jubilate u orkestra taħt id-direzzjoni ta’ Mro Mark Gauci, it-tielet edizzjoni ta’ Charles Buttigieg in Concert żgur ser tkun lejla ta mużika indimentikabbli.

Charles Buttigieg huwa magħruf għat-talent tiegħu kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta. Filwaqt li dan l-aħħar akkumpanja lil Joseph Calleja u Andrea Bocelli fil-kunċert tal-Milied, il-vjaġġ mużikali ta’ Charles beda fl-eta’ tenera ta’ 11-il sena. Taħt il-gwida tas-Surmast Dr John Galea, Charles ingħaqad mal-Chorus Urbanus. Minn hemm kompla l-istudji tiegħu mas-soprana distinta Maltija Ms Juliette Bisazza. Illum, Charles għandu 25 sena u d-dedikazzjoni u t-talent tiegħu wasslu għal boroż ta’ studju mill-BOV Joseph Calleja Foundation, parteċipazzjoni mal-aqwa ismijiet fl-opra, u żewġ Encouragement Awards mill-Metropolitan Opera fl-2021 u l-2022. Minn Settembru li ġej, Charles se jkun ibbażat Firenze bħala Mascarade Opera Artist, bi proġetti f’Teatro La Fenice (Venezja), Teatro Pergola (Firenze), ir-Royal Opera House (Londra), u teatri oħra fil-Ġermanja.

Charles Buttigieg ilu għal dawn l-aħħar tmin snin jistudja barra minn Malta u jieħu sehem f’opri f’teatri ġewwa l-Amerika u l-Ewropa. Fl-2017, Charles ġie magħżul mis-Sur Jack Livigni biex jieħu sehem f’La Bohème fit-Teatru Eschillo f’Gela u Agrigento. Wara, bis-sapport tal-Fundazzjoni attenda l-Institute for Young Dramatic Voices tas-Sinjura Dolora Zajick. Aktar tard dik l-istess sena, intgħażel biex jingħaqad mal-Curtis Institute of Music f’Philadelphia, fejn irfina l-ħiliet tiegħu taħt il-gwida tas-Sinjura Mezzo Soprano Patricia McCaffrey, u ggradwa bl-unuri fl-2022.

It-talent ta’ Charles malajr ġie rikonoxxut internazzjonalment, u ġie mistieden għal kunċert privat fil-preżenza ta’ personalitajiet distinti, fosthom iċ-Chairman tal-Metropolitan Opera is-Sinjura Ann Ziff, is-Sopran Ms Renee Fleming, u Mezzo Sopran Ms. Dolora Zajick. Fl-2018, f’Perelman Theatre, Philadephia ta wirjiet eċċezzjonali bħala Masetto f’Don Giovanni, Mr. Fogg f’Sweeney Todd, u Spirit f’Dido u Aeneas.

Fl-2019, fl-eta tenera ta’ 20 sena, Charles ddebutta fir-rwol ewlieni ta Figaro f’Barber of Seville fl-Opera Philadelphia, Kimmel Centre, akkumpanjat mill-Orkestra Sinfonika ta’ Curtis. Fl-2021, kellu l-unur li jaqsam il-palk mas-soprana leġġendarja Diana Damrau f’kunċert mal-Orkestra Filarmonika Maltija. Is-sena ta’ wara, ha sehem mat-Tenur Joseph Calleja fl-Opera Naples fi Florida. Sallum, għadu jissorprendi udjenzi varji b’wirjiet qawwija, inkluż fir-rwol ta’ Morales f’Carmen fit-Teatru Astra f’Għawdex u bħala Mercutio f’Roméo et Juliette fl-Opera Naples, Florida, u fiż-żewġ edizzjonijiet ta’ Charles Buttigieg in Concert.

Bħas-snin ta’ qabel, din l-edizzjoni ta’ Charles Buttigieg in Concert żgur se tinżel tajjeb mall-udjenza. Ir-repertorju jinkludi biċċiet mill-opri La Traviata, Carmen, Rigoletto u Tosca, flimkien ma kanzunetti Naplitani, bħal “Canta Napule” u oħrajn popolari bħal “New York New York” u “A Million Dreams”.

Id-dħul għal Charles Buttigieg in Concert huwa b’xejn. Dawk li se jattendu se jkollhom l-opportunita’ li jagħtu donazzjoni lil Malta Community Chest Fund Foundation – kull kontribuzzjoni se tappoġja l-ħidma importanti tal-Fondazzjoni.

Charles Buttigieg in Concert qed jiġi organizzat mid-Direttorat tal-Wirt Kulturali, Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.

Għal aktar mistoqsijiet, intervisti, jew informazzjoni addizzjonali, jekk jogħġbok ikkuntattjana permezz ta’ [email protected]

Sport