Sunday, December 22, 2024

Charles u Joe

Jikteb Frans Ghirxi

Aqra wkoll

Charles Miceli u Joe Bartolo, aktar magħruf magħna li konna nafuh bħala “Is-Sloopy”, kienu tnejn mill-aktar ħbieb li kelli. Ngħid kienu, u mhux huma, għax illum it-tnejn li huma m’għadhomx magħna. Tlifthom mhux biss jien imma aktar u aktar dik il-faxxa tas-soċjetà li tmiss jew qegħda fil-faqar. Charles u Joe kienu għalihom vuċi effettiva u determinanti, anke jekk siekta.

Lil Charles kont ili nafu minn qabel ma sirt naf lil Joe, Charles u jien konna tnejn minn fost 12-il ġuvnott li fit-28 ta’ Settembru 1964, ingħaqadna mal-istamperija tal-General Workers’ Union (GWU), Union Press, bħala apprendisti. Maż-żmien, Charles u jien, qlibna x-xogħol li kellna u qbadna l-linja tal-ġurnaliżmu. Charles qaleb sena qabli u kien hu li ħeġġiġni bil-kbir, u persistentement, biex nagħmel l-istess. Qatt ma ddispjaċini li ħadt il-parir tiegħu, anzi nibqa’ nirringrazzjah tul ħajti.

Lil Joe sirt nafu aktar tard meta allura l-linja ġurnalistika bdiet tlaqqagħni ma’ diversi nies, fosthom dawk fil-qasam politiku bħalma kien Joe. “Is-Sloopy” nassoċjah dejjem mal-beret li kien jilbes, ala r-rivoluzzjonarju leġġendarju Che Guevara u r-rivoluzzjoni Kubana. Kont naqra kitbietu mimlija ħerqa biex jgħin lil ta’ taħt jitilgħu l-iskaluni tal-ħajja. Kien dan il-prinċipju li ankra lil Joe fix-Xellug. Ħadem u stinka fi ħdan il-Partit Laburista għal dan il-għan.

Mal-medda tas-snin Charles u Joe saru kollaboraturi biex lil din il-faxxa tal-popolazzjoni jgħinuha kemm jistgħu billi jipprovaw iwasslu l-messaġġ fejn għandu jitwassal. Għamlu dan permezz ta’ diversi inizjattivi, fosthom it-tnedija tal-Alleanza Kontra l-Faqar. Ngħid li sa ċertu punt irnexxielhom, anke jekk mhux daqskemm xtaqu. Bi kburija ngħid li tajthom l-għajnuna kollha tiegħi f’ħidmiethom billi offrejtilhom spazju kontinwu fil-ġurnal l-orizzont. Anke jekk il-kontribuzzjonijiet tagħhom mhux dejjem kienu jkunu ffirmati b’isimhom. L-importanti għalihom kien li l-messaġġ jasal u mhux li jieħdu l-kredtu għal dan.

Charles u Joe għaddew bħal sajjetta minn quddiem għajnejja meta ftit tal-jiem ilu kont għaddej mill-Fgura, fejn għaddej proġett tal-Gvern għall-Akkomodazzjoni Soċjali, xiħaġa li għaliha stinkaw kemm felħu t-tnejn li huma. U la darba qed insemmi dan il-qasam se nirriproduċi kelma b’kelma parti minn dak li kiteb il-Lettur fid-Dipartiment tad-Dritt Ċivili fi ħdan l-Università ta’ Malta Dr Kurt Xerri dwar Charles u Joe fil-ktieb Imħabba Militanti – Charles Miceli – l-attivist li qatt ma nesa għeruqu. Dak kwotat huwa l-parti intitolata Mudell ġdid ta’ Affordable Housing.

Ħajr lil Dr Xerri għall-permess tar-riproduzzjoni ta’ kitbietu. Dr Xerri kiteb hekk:
L-instabbiltà fis-suq tal-kera kienet problema ta’ talba daqs kemm kienet problema ta’ provvista. Filwaqt li diversi nies barranin kienu qed ifittxu li jikru Malta, is-suq ma kienx qed jibni proprjetajiet għal dawk il-kategoriji li d-dħul tagħhom ma kienx ilaħħaq mar-rati tas-suq. Hawn Charles kien jikkollabora fil-qrib ma’ Joe Bartolo fuq idea li setgħet toffri soluzzjonijiet għal din il-problema.

Fiż-żmien tal-boom, Charles kien għażel li jiffoka fuq l-aktar vulnerabbli. Joe, min-naħa tiegħu, kien ħadha fuqu wkoll li jindirizza l-problemi ta’ dik il-klassi medjo-baxxa li biż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà u dawk tal-kirjiet inqabdu f’diffikultajiet li sa ftit qabel ma kienu xejn tipiċi tal-kategorija tagħhom. Studju tal-Bank Ċentrali ta’ Malta kien sab li żagħżugħ waħdu ta’ taħt it-30 sena, fl-2020 kellu bżonn ftit aktar minn €15,000 bħala dħul gross fis-sena biex ikun jista’ jixtri proprjetà fl-irħas zona ta’ Malta. Fl-2016, dil-figura kienet xirfet għal €20,000. Filwaqt li għal min kien b’paga medja x-xiri baqa’ possibbli (għalkemm il-proprjetajiet fis-suq bdew kulma jmorru jiċkienu), min kien jaqla’ inqas minn hekk kellu bżonn deċiżament xi tip ta’ għajnuna mingħand il-Gvern.

Joe kellu esperjenza vasta ħafna tal-politika, sa minn żgħożitu. Kellu formazzjoni akkademika f’Ruskin College ta’ Oxford u karriera importanti fid-diplomazija. Lokalment, qatta’ diversi snin ukoll jaħdem f’koperattivi. Joe, għalhekk, kellu viżjoni li kienet tinfirex lil hinn minn xtutna, filwaqt li kellu apprezzament ġenwin ta’ kif għanijiet ekonomiċi setgħu jintlaħqu kollettivament u mhux biss individwalment. Joe kien identifika minn kmieni li s-suq tal-housing f’Malta kien distint minn dikotomija mhux għalkollox sana fejn id-djar jipprovdihom jew il-privat jew il-Gvern. Fi swieq ta’ dan it-tip, il-privat se jipprovdi għall-ogħla offerent, jiġifieri dawk li l-aktar jifilħu jħallsu; filwaqt li l-Gvern se jipprovdi għal dawk t’isfel nett, li ma jkollhomx mezz kif isibu akkomodazzjoni sakemm ma jipprovdilhomx hu b’rati distakkati kompletament minn dawk tas-suq. Sakemm il-provvista tkun qawwija din l-ekwazzjoni taħdem, iżda meta tibda togħla d-domanda jinħoloq vojt għal dawk li jaqgħu taħt il-livell tas-suq, filwaqt li jibqgħu ‘l fuq mill-vulnerabbiltà l-aktar akuta li għaliha jipprovdi l-Gvern. Dawn kienu rappreżentati prinċipalment minn żgħażagħ, nies ħerġin minn separazzjonijiet u anzjani fil-kera.

Kien għal dawn li beda jaħseb Joe u, flimkien ma’ Charles, għamlu l-argument tagħhom f’isem l-Alleanza Kontra l-Faqar. Is-soluzzjoni tagħhom kienet li Malta tipprova tadotta mudell Ewropew ta’ affordable jew non-profit housing, li jinsab partikularment diffuż fl-Olanda, l-Awstrija u l-Ingilterra, fejn is-social housing mhuwiex kompletament mibni mill-Gvern, iżda wkoll minn intrapriżi privati li però ma jaħdmux għal skop ta’ qligħ (social enterprises). Dan ma jfissirx li dawn ikunu kumpaniji li jikkuntentaw bid-dejn, anzi kapaċi jiġġeneraw profitt li bih jerġgħu jinvestu fl-akkomodazzjoni; imma b’differenza minn kumpaniji privati oħrajn, dawn ma jaħdmux biex jimmassimizzaw il-qligħ. B’dan il-mod, għalhekk, ikunu jistgħu jbigħu jew jikru l-proprjetajiet taħt il-prezz tas-suq.

L-ideat tal-Alleanza Kontra l-Faqar eventwalment bdew irabbu għeruq b’saħħithom, hekk kif dawn bdew jiġu spjegati ma’ diversi nies u entitajiet. Eventwalment, kien is-Segretarjat Parlamentari tal-Akkomodazzjoni Soċjali li ta lil Joe l-opportunità li jattwa dan il-kunċett fil-prattika, meta ħatru Chairperson tal-Affordable Housing Board fil-bidu tal-2019. Għalkemm il-proġett kien se jsir fuq art pubblika, u finanzjat mill-Awtorità tad-Djar, l-għan ewlieni kien li jiġi ppruvat li investiment self-financed ta’ dan it-tip kien verament sostenibbli hawn Malta. Ġiet identifikata biċċa art fil-Fgura u ġew allokati €10 miljuni biex jinbnew 118-il unit. Skont il-pjanijiet oriġinali, la jiġu mitmuma, dawn se jkunu għall-kera fuq kuntratt ta’ ħames snin bil-kirjiet ivarjaw bejn it-€300 u l-€500 skont id-daqs tal-appartament.

Il-proġett tal-Affordable Housing tħabbar lill-pubbliku fl-4 ta’ Jannar tal-2020. Ironikament, Joe Bartolo kellu jħalli din id-dinja wieħed u ħamsin jum wara. Sad-data tal-kitba ta’ dan l-artiklu l-proġett tal-Fgura għadu għaddej u l-bini tal-affordable housing jidher li se jkun wieħed mill-isfidi l-kbar ta’ Malta moderna.

Charles Miceli miet il-Ġimgħa, 9 ta’ Marzu 2018, fl-età ta’ 69 sena.
Joe Bartolo miet it-Tnejn, 24 ta’ Frar 2020, fl-età ta’ 68 sena.

Ekonomija

Sport