Tuesday, May 14, 2024

Kważi nofs l-inflazzjoni ġejja minn żieda fil-profitti ta’ kumpaniji

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-kwistjoni tal-inflazzjoni li qiegħda tkompli tippersisti għalkemm naqset minn kemm kienet xhur ilu, issa qiegħed isir magħruf b’mod ċar ħafna li l-inflazzjoni hemm kważi nofs ir-rata tagħha li hi ġejja minn żieda fil-profitti ta’ kumpaniji kbar. Filfatt 45 fil-mija tar-rata ta’ inflazzjoni, issa hu konfermat li hi ġejja minn żieda fil-profitti. Dan kien dikjarat f’dokument li nħareġ mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).

Ir-rapport tal-IMF jiddikjara b’mod ċar ħafna li ż-żieda fil-profitti tal-kumpaniji u korporazzjonijiet kbar fl-aħħar sentejn ammontaw għal kważi nofs iż-żieda fir-rata ta’ inflazzjoni u dan seħħ għax dawn l-istess kumpaniji żieda l-prezzijiet tal-prodotti tagħhom aktar miż-żieda fl-ispiża li huma kellhom minħabba iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija.

Ekonomista li tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li “r-rapport maħruġ mill-Fond Monetarju Internazzjonali mhux sorpriża. Kienet ilha tinħass li kien hemm min kien ħataf l-okkażjoni u bl-iskuża tal-gwerra żied bil-qawwi l-prezzijiet. Kien hemm diversi raġunijiet għaliex sar dan fosthom l-effett tal-Covid19 u l-perjodu li fih naqas bil-kbir il-bejgħ u mbagħad is-sitwazzjoni ta’ wara fejn rajna l-prezzijiet tal-ġarr bil-baħar jogħlew bil-kbir, sakemm stabbilixxew ruħhom mill-ġdid. Illum issa hu fatt li l-ġlieda kontra l-inflazzjoni li għaddejja ħadet żmien aktar minn mistenni biex ir-rata titniżżel għal 2 fil-mija.

Għadna ma wasalniex hemm u jidher li se jkun hemm bżonn aktar żmien. Illum hawn min qed jitkellem fuq li nittolleraw għal aktar żmien din ir-rata ta’ inflazzjoni. Dan imma joħloq periklu ġdid. Dan hu dak li għandek ammont ta’ gvernijiet fl-Ewropa li għandhom livelli għoljin ħafna ta’ djun. F’sitwazzjoni ta’ inflazzjoni għolja u li tibqa’ għolja għal ammont ta’ żmien, tista’ twassal biex dawn il-pajjiżi jesponu ferm u ferm aktar ruħhom għall-kriżi finanzjarja ġdida”.

L-istess ekonomista qalilna li “r-realtà li qegħdin ngħixu llum hi dik li hemm bżonn aktar żmien biex ir-rata ta’ inflazzjoni tinżel għal dak aċċettabbli. Pajjiżi li għandhom livell ta’ dejn li hu ‘lfuq mir-rata ta’ 100 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku fosthom l-Italja, se jkollhom jieħdu miżuri bier jikkontrollaw l-iżbilanċ finanzjarju tagħhom u anke il-livell ta’ dejn.

Ir-rapport tal-IMF jgħid li li issa hemm għadd ta’ sezzjonijiet ta’ ħaddiema li qegħdin jimbuttaw u jagħmlu pressjoni għal żieda fil-pagi minħabba li qed jesperjenzaw tnaqqis fis-saħħa finanzjarja tagħhom. Jgħid li l-kumpaniji għandhom jaċċettaw li jaqsmu parti żgħira mill-profitti li qegħdin jagħmlu, u dan biex l-inflazzjoni tibqa’ miexja fid-direzzjoni biex tintlaħaq il-mira li sa 2025 tkun niżlet għal 2 fil-mija. Din hi l-mira li kien stabbilixxa l-Bank Ċentrali Ewropew.

Ir-rapport jgħid li l-inflazzjoni fiż-żona Ewro laħqet il-livell ta’ 10.6 fil-mija f’Ottubru tas-sena li għaddiet. Dan seħħ minħabba żidiet fl-ispiża marbuta mal-importazzjoni. Dawn iż-żidiet seħħet wara l-invażjoni mir-Russja fl-Ukrajna. L-IMF tgħid li l-kumpanija bdew jgħaddu iż-żidiet li bdew jesperjenzaw fuj il-konsumaturi. L-IMF tgħid li l-inflazzjoni niżlet għal 6.1 fil-mija f’Mejju li għadda, imma il-‘Core Inflation’, qed turi li hemm persistenza. Dan qiegħed iwassal biex qiegħda tinżamm il-pressjoni fuq il-Bank Ċentrali Ewropew biex ikompli jgħolli ir-rati ta’ interessi. U dan qed iseħħ munkejja li fil-bidu tas-sena iż-żona Ewro daħlet f’riċessjoni. Sa issa ir-rati ta’ interessi huma l-ogħla fl-aħħar 22 sena u telgħu għal 3.5 fil-mija fix-xahajr ta’ Ġunju.

Mill-istudju joħroġ li waqt li ż-żieda fil-profitti tammonta għal 45 fil-mija tar-rata ta’ inflazzjoni, waqt li l-ispiża marbuta mal-importazzjoni, taxxi u l-ispiża tal-ħaddiema jammontaw għal 55 fil-mija.

1 kumment

Comments are closed.

Sport