Xogħlijiet mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi sabiex jagħtu wiċċ ġdid lil tliet toroq fil-Ħamrun b’investiment ta’ kważi nofs miljun ewro

Aqra wkoll

Tliet toroq fil-Ħamrun qed jingħataw wiċċ ġdid permezz ta’ investiment ta’ kważi nofs miljun ewro, li se jtejjeb kemm l-infrastruttura taħt l-art kif ukoll il-kwalità u d-dehra tat-toroq.

Ix-xogħlijiet li qed jitwettqu mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, u li jkopru Triq Atoċja, Triq id-Duka ta’ Edinburgh u passaġġ fi Triq San Franġisk, jinkludi t-tneħħija tal-paviment eżistenti, xogħlijiet ta’ skavar, is-sostituzzjoni tal-main u l-konnessjonijiet tad-djar tal-ilma, il-kostruzzjoni ta’ bażi ġdida tal-konkos rinfurzat, kif ukoll it-tqegħid ta’ paviment ġdid ta’ kwalità ogħla u aktar reżistenti biex jiflaħ aħjar għall-użu ta’ kuljum.

Dan tħabbar fi żjara fuq il-lant tax-xogħol li għamlet il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mad-Direttur Ġeneral tad-Diviżjoni tal-Proġetti tal-Komunità fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi l-Perit Nadia Gatt, u s-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dan l-investiment huwa parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern biex ikompli jtejjeb l-infrastruttura lokali madwar il-pajjiż. Hija spjegat li proġetti bħal dawn mhux biss jagħtu dehra aktar sabiħa lit-toroq, iżda jsaħħu wkoll is-servizzi essenzjali taħt l-art u joffru ambjent aktar sigur u aċċessibbli għar-residenti u għal dawk kollha li jużaw dawn it-toroq.

“Il-komunitajiet tagħna jistħoqqilhom infrastruttura ta’ kwalità li tagħmel differenza fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Huwa għalhekk li qed inkomplu naħdmu id f’id mal-kunsilli lokali sabiex inwettqu proġetti li mhux biss isebbħu l-lokalitajiet tagħna, iżda wkoll isaħħu s-servizzi essenzjali u joffru toroq aktar siguri u aċċessibbli għar-residenti”, temmet tgħid il-Ministru.

Id-Direttur Ġenerali Nadia Gatt Curmi qalet li x-xogħlijiet qed jitwettqu skont l-aqwa standards tekniċi, b’enfasi fuq il-kwalità u d-durabbiltà tal-infrastruttura. Hija żiedet li l-interventi huma mfassla biex jiżguraw toroq aktar reżistenti u servizzi taħt l-art aktar affidabbli għall-benefiċċju tar-residenti.

Is-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut irringrazzja lill-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u lill-Public Works għall-kollaborazzjoni u l-appoġġ kontinwu biex dawn ix-xogħlijiet setgħu jitwettqu. Huwa qal li interventi ta’ din ix-xorta huma ta’ importanza kbira għall-komunità Ħamruniża, peress li mhux biss qed itejbu l-infrastruttura tat-toroq, iżda qed jagħtu wkoll ħajja ġdida lil żoni storiċi tal-lokal.

Waħda mill-aktar partijiet sinifikanti ta’ dan il-proġett hija r-riġenerazzjoni ta’ Triq Atoċja, meqjusa bħala l-eqdem u l-aktar parti storika tal-Ħamrun. Permezz ta’ dan l-intervent, mhux biss se tiġi mtejba l-infrastruttura tat-triq, iżda se jkompli jissaħħaħ il-karattru storiku u kulturali ta’ din iż-żona, biex tkun tista’ titgawda aħjar kemm mir-residenti. Bħala parti mix-xogħlijiet, se jsir ukoll intervent fuq iż-żuntier tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Atoċja

Ix-xogħlijiet fi Triq id-Duka ta’ Edinburgh għaddejjin b’ritmu tajjeb. Wara li tlestew it-tneħħija tal-paviment eżistenti, ix-xogħlijiet ta’ skavar, is-sostituzzjoni tas-servizzi tal-ilma u l-kostruzzjoni tal-bażi tal-konkos rinfurzat, bħalissa għaddej it-tqegħid tal-paviment il-ġdid.


Il-proġett, li beda f’April 2026 u huwa mistenni jitlesta f’Ottubru 2026, qed jitwettaq fuq medda ta’ madwar 1,200 metru kwadru u se jkompli jtejjeb kemm is-servizzi taħt l-art kif ukoll il-kwalità tal-infrastruttura f’din il-parti tal-Ħamrun.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport