DR SEAN MIZZI U DR JULIAN ANDREW BORG REBBIEĦA TAL-PREMJU BOV FIL-MEDIĊINA GĦALL-2025 U L-2026

Aqra wkoll

Dr Sean Mizzi u Dr Julian Andrew Borg ingħataw il-Premju BOV fil-Mediċina bħala rikonoxximent għall-kisbiet akkademiċi eċċezzjonali tagħhom matul is-snin akkademiċi 2024/2025 u 2025/2026, rispettivament.

Wara li kisbu l-ogħla marki fl-eżamijiet finali ta’ kwalifika tagħhom fil-Mediċina fl-Università ta’ Malta, Dr Sean Mizzi u Dr Julian Andrew Borg ingħataw dan il-premju prestiġjuż, li ilu għal dawn l-aħħar 20 sena jirrikonoxxi l-eċċellenza u l-kisbiet akkademiċi eċċezzjonali tal-istudenti tal-mediċina.

Imwaqqaf fl-2006 permezz ta’ sħubija bejn il-Bank of Valletta u l-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija fl-Università ta’ Malta, il-Premju BOV fil-Mediċina jirrikonoxxi lill-istudenti tal-mediċina bl-aqwa prestazzjoni akkademika u jiċċelebra l-eċċellenza fil-professjoni medika.

Il-premju ġie ppreżentat minn Ernest Agius, Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta, fil-preżenza tal-Professur Peter Fsadni, Kap tad-Dipartiment tal-Mediċina fi ħdan il-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija.

Filwaqt li feraħ lil Dr Sean Mizzi u lil Dr Julian Andrew Borg għal din il-kisba, is-Sur Agius qal li l-Premju BOV fil-Mediċina jirrifletti l-impenn tal-Bank of Valletta u tal-Fondazzjoni BOV biex jappoġġjaw l-edukazzjoni, l-iżvilupp professjonali u l-ġid tal-komunità. Qal, “Permezz tal-Fondazzjoni BOV, il-Bank jappoġġja inizjattivi li joħolqu valur sinifikanti u tanġibbli għas-soċjetà, b’mod partikolari f’oqsma li jikkontribwixxu għat-tagħlim, għal stil ta’ ħajja b’saħħtu u għall-iżvilupp personali. Dan il-premju huwa eżempju ċar ta’ dan l-impenn, hekk kif jirrikonoxxi d-dedikazzjoni ta’ studenti tal-mediċina li jispikkaw fil-kisbiet tagħhom, filwaqt li jħeġġeġ lill-ġenerazzjonijiet futuri ta’ professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa biex ifittxu l-eċċellenza fl-istudji u fil-karrieri tagħhom.”

Il-Professur Fsadni rringrazzja lill-Bank of Valletta għall-appoġġ kontinwu tiegħu fir-rikonoxximent u l-premjazzjoni tad-dedikazzjoni, il-ħidma sfiqa u l-eċċellenza tal-istudenti tal-mediċina. Qal, “Fil-Fakultà nagħtu valur kbir lil din is-sħubija li ilha għaddejja għal bosta snin, għaliex tiċċelebra l-kisbiet akkademiċi u tħeġġeġ lill-istudenti jkomplu jagħtu sehemhom fil-professjoni medika b’impenn u sens ta’ skop.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport