Il-GWU tesprimi solidarjetà mal-artisti u tisħaq fuq il-ħlas ġust u fil-ħin

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU) tesprimi s-solidarjetà sħiħa tagħha mal-artisti li kienu mġiegħla jfittxu l-ġustizzja quddiem il-qrati sabiex jirċievu l-ħlas dovut għax-xogħol tagħhom fil-produzzjoni Divas II – The Dance Show. L-ebda ħaddiem m’għandu qatt ikun kostrett jieħu passi legali sempliċement biex jirċievi l-ħlas li jkun qala’ b’mod onest u leġittimu.

Is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi Riccarda Darmanin saħqet li: “Sfortunatament, dan il-każ mhuwiex wieħed iżolat. Matul is-snin, il-GWU assistiet diversi ħaddiema fis-settur kreattiv u kulturali li sabu ruħhom jiffaċċjaw dewmien jew nuqqas ta’ ħlas, minkejja li jkunu wettqu l-obbligi professjonali tagħhom. Il-Union dejjem offriet l-appoġġ tagħha lill-ħaddiema milquta u għamlet użu mill-mezzi kollha disponibbli biex tgħinhom jirkupraw dak li hu bi dritt tagħhom.”

Wara kull ħlas li ma jsirx jew li jdum ma jasal hemm ħaddiem li investa l-ħin, it-talent, l-isforz u d-dedikazzjoni tiegħu. Ħafna drabi, dak id-dħul ikun essenzjali biex il-ħaddiem ilaħħaq mal-impenji finanzjarji tiegħu u jsostni lill-familja tiegħu.

Minn produzzjonijiet televiżivi sa spettakli live, il-piżijiet finanzjarji wisq drabi qed jiġu mgħoddija fuq l-artisti, il-performers, it-tekniċi u professjonisti oħra fis-settur kreattiv, minflok ma jinġarru mill-kumpaniji tal-produzzjoni li huma responsabbli mill-ġestjoni u l-finanzjament ta’ dawn il-proġetti. Prattiki bħal dawn inaqqsu l-valur tax-xogħol kreattiv u jistgħu jwasslu biex il-ħaddiema jispiċċaw f’diffikultajiet finanzjarji serji u taħt pressjoni emozzjonali kbira.

Il-ħlas ġust ma jfissirx biss remunerazzjoni xierqa għax-xogħol imwettaq. Ifisser ukoll li l-ħaddiem jitħallas fil-ħin, b’dinjità u skont il-ftehimiet milħuqa. Kull ħaddiem, irrispettivament mis-settur li jaħdem fih, jistħoqqlu dan il-livell bażiku ta’ rispett u protezzjoni.

Il-GWU tibqa’ impenjata li tiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema u tappoġġja lil dawk kollha li jfittxu l-għajnuna tagħha. Permezz tas-servizzi, il-gwida, ir-rappreżentanza u l-ħidma kontinwa tagħha favur il-ħaddiema, il-Union taħdem biex tgħin lill-membri tagħha jirkupraw dak li hu bi dritt tagħhom u biex tiżgura li min iħaddem jonora l-obbligi tiegħu. L-ebda ħaddiem m’għandu jħossu waħdu quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn.

Il-Union tħeġġeġ lil kull min qed jesperjenza diffikultajiet simili biex javviċina lill-GWU u jfittex l-appoġġ tagħha. Meta l-ħaddiema jitkellmu, jingħaqdu u jaħdmu flimkien, isaħħu l-vuċi kollettiva tagħhom u jikkontribwixxu għal kultura ta’ ġustizzja, responsabbiltà u rispett fis-settur kreattiv u kulturali ta’ Malta.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport