Waqt żjara f’Marsaxlokk, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar tnaqqis sinifikanti fil-ħlasijiet marbuta mal-użu tal-pilastri tas-servizz tal-elettriku u tal-ilma għall-bastimenti tas-sajd.
Għas-sajjieda full-time u part-time li joperaw bastimenti rreġistrati bħala MFA u MFB, il-ħlasijiet tas-servizz tal-elettriku se jitnaqqsu b’55%, filwaqt li dawk tas-servizz tal-ilma se jitnaqqsu b’57%. Il-ħlasijiet tal-elettriku għall-bastimenti l-oħra rreġistrati bħala MFC se jitnaqqsu wkoll bi 17%.
Dawn il-miżuri tħabbru waqt żjara f’Marsaxlokk, fejn il-Prim Ministru akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti għall-Agrikortura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Sharlo Camilleri, kif ukoll id-Direttur Ġenerali għas-Sajd u l-Akwakultura fi ħdan l-istess ministeru Bjorn Azzopardi, kellu laqgħa informali ma’ għadd ta’ sajjieda.
Il-Prim Ministru qal li dan it-tnaqqis huwa maħsub biex inaqqas il-piż operattiv fuq is-sajjieda u jagħtihom kundizzjonijiet dejjem aħjar biex ikomplu jaħdmu, jinvestu u jsaħħu l-attività ekonomika tagħhom.
Ġie aċċennat ukoll li l-Gvern se jkun qed jidħol f’diskussjonijiet mal-organizzazzjonijiet tas-sajjieda sabiex binja li bħalissa tinsab fi stat ta’ abbandun f’Xatt is-Sajjieda tiġi f’idejn l-Malta Food Agency biex tiġi allokata mill-ġdid u tinbidel f’faċilità effiċjenti li tirrifletti l-ħtiġijiet reali tas-settur. Hawn fost l-oħrajn se jkun hemm faċilitajiet ta’ ħażna mkessħa għas-sajjieda.
Il-Gvern tenna l-impenn tiegħu li jibqa’ spalla għas-sajjieda, filwaqt li jħares it-tradizzjoni ta’ pajjiżna u jibni settur tas-sajd dejjem aktar kompetittiv u sostenibbli.
Il-Prim Ministru Abela kien ukoll akkumpanjat mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alision Zerafa Civelli għal żjara fil-binja tal-kunsill lokali u laqgħa mas-Sindku Steven Grech u l-kunsilliera fejn ġew diskussi l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet ta’ din il-lokalità.
