“Is-sigurtà fil-Mediterran hija pedament għall-istabbiltà u l-prosperità tal-Ewropa”, il-Ministru Chris Fearne

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne appella għal impenn Ewropew aktar b’saħħtu fil-Mediterran, filwaqt li saħaq li s-sigurtà u l-istabbiltà fil-Mediterran għandhom impatt dirett fuq is-sigurtà u l-prosperità tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Fearne kien qed jitkellem waqt business breakfast organizzat mill-Ambaxxata tal-Irlanda, li laqqa’ flimkien lill-kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għal diskussjoni dwar l-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-madwar.

B’referenza għal-Libja, il-Ministru Fearne appella għal impenn Ewropew kontinwu favur l-istabbiltà u s-sigurtà tal-pajjiż, filwaqt li saħaq li l-iżviluppi fil-Libja għandhom konsegwenzi diretti għall-Mediterran u għall-Ewropa. Huwa tenna l-impenn ta’ Malta favur id-djalogu u l-isforzi internazzjonali li jappoġġaw Libja stabbli u magħquda.

Dwar l-Ukrajna, il-Ministru Fearne tenna l-appoġġ ta’ Malta għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, filwaqt li saħaq li kwalunkwe paċi ġusta u dejjiema għandha tkun ibbażata fuq il-liġi internazzjonali. Huwa tenna wkoll l-appoġġ ta’ Malta għall-proċess ta’ tkabbir tal-Unjoni Ewropea, sakemm il-pajjiżi kandidati jkomplu jilħqu l-istandards meħtieġa fir-rigward tas-saltna tad-dritt, il-governanza demokratika u l-valuri fundamentali tal-Unjoni.

Dwar il-Lvant Nofsani, il-Ministru Fearne tenna l-appoġġ ċar ta’ Malta għal soluzzjoni ta’ Żewġ Stati bħala l-bażi għal paċi u sigurtà dejjiema kemm għall-Palestinjani kif ukoll għall-Iżraeljani, filwaqt li saħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar sforzi diplomatiċi, tnaqqis fit-tensjonijiet u rispett lejn il-liġi internazzjonali. Huwa nnota wkoll li Malta tappoġġa deċiżjoni politika tal-Kunsill biex jiġi ristrett il-kummerċ mill-insedjamenti Iżraeljani.

Id-diskussjoni indirizzat ukoll il-kompetittività tal-Ewropa u l-iżvilupp rapidu tal-intelliġenza artifiċjali. Il-Ministru Fearne saħaq li l-Ewropa m’għandhiex tillimita ruħha biss għar-regolamentazzjoni ta’ teknoloġiji emerġenti, iżda għandha ssaħħaħ ukoll il-kapaċità tagħha li tiżviluppahom u tapplikahom, filwaqt li tiżgura li l-progress teknoloġiku jibqa’ ċċentrat fuq il-bniedem u l-interess pubbliku.

Dwar il-Baġit Ewropew fit-tul, magħruf bħala l-Qafas Finanzjarju Pluriennali, il-Ministru Fearne saħaq li l-koeżjoni għandha tibqa’ pilastru ewlieni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea u enfasizza l-importanza li titħares il-kapaċità tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-prijoritajiet nazzjonali tagħhom.

Il-Ministru Fearne laqa’ l-iskambju ta’ fehmiet bejn l-imsieħba Ewropej u tenna l-impenn ta’ Malta li tkompli taħdem favur Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha, aktar sigura u aktar kompetittiva.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport