Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli tat garanzija li l-Gvern se jkompli għaddej bl-investiment fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Malta però wieħed irid jara kif meta jkun hawn dawn it-temperaturi qawwija, nimmaniġġjaw id-domanda li jkollna sabiex ikunu protetti dawk li jużaw l-elettriku għall-ħtiġijiet tagħhom u jkun hemm konsum responsabbli.
Il-Ministru Dalli ddikjarat dan waqt li l-Ġimgħa filgħodu indirizzat lill-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) waqt laqgħa li ġiet imsejħa sabiex tingħata t-triq ’il quddiem dwar ix-xogħol li qed isir mill-Gvern fil-pjan nazzjonali tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna.
Hija bdiet billi qalet: “Tlabna li ssir din il-laqgħa biex nitkellmu magħkom dwar l-isfida li ltqajna magħha matul il-ġimgħa li għaddiet. Nifhem li s-sitwazzjoni f’dawk il-jiem kienet ta’ tħassib għal kulħadd inkluż dawk kollha li intom tirrappreżentaw.”
Il-Ministru Dalli rringrazzjat lit-tim kollu tal-Enemalta li mhux biss ħadet f’dawn il-ġranet li konna milquta minn din l-isfida imma ilu jaħdem qatigħ mill-2024 sal-lum, fejn għaddej investiment bla preċedent, bi pjan fis-sistema tad-distribuzzjoni.
Hija kompliet tgħid li hawn min qed jipprova jdaħħal id-dubju jekk l-investiment sarx. Kien għalhekk li bħala Gvern talbu lill-Awditur Ġenerlai biex jagħmel aġġornament fuq ir-rapport li kien għamel sal-2023 u jara x-xogħol li wettqet l-Enemalta fl-aħħar tliet snin.
“L-investiment u x-xogħol li sar fl-aħħar tliet snin, għenna u għenna ħafna u fejn sar, tana r-riżultati, u l-flessibilità li jekk tinqala’ ħsara ma nħallux lin-nies għal ħin twil bla dawl,” qalet il-Ministru Dalli.
Spjegat kif l-investimenti u x-xogħlijiet għaddejjin anke fit-tliet ċentri ta’ distribuzzjoni li se jkunu lesti dalwaqt filwaqt li se jkunu qed jiffokaw fuq numru ta’ lokalitajiet. Wieħed mill-postijiet fejn qalet li għandna infrastruttura antika ħafna li trid tinbidel huwa l-Belt Valletta.
“Għandna bżonn naħdmu flimkien biex naraw kif ix-xogħol li hemm bżonn isir fil-Belt Valletta, isir b’mod gradwali u maħsub u jekk jista’ jkun bl-inqas impatt possibbli għar-residenti u l-komunità kummerċjali.”
“Għalhekk li tkellimna anke ma’ Infrastructure Malta u tlabt lill-Enemalta biex jagħmlu diskussjonijiet magħkom u anke mal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta f’dan ir-rigward halli naraw kif dan il-proġett li tant għandna bzonn ikun jista’ jsir.
“Kellna lokalitajiet oħra fejn bdejna x-xogħlijiet imma ma stajniex naqilgħu l-lokalità kollha f’daqqa. Pereżempju Birkirkara, in-naħa tal-Kalkara u anke l-Mellieha. Dawn il-lokalitajiet qegħdin fil-pjan tagħna għaliex konna diġà bdejna b’xi xogħlijiet hemmhekk.
“Bl-istess mod irid jitkompla u jiżdied ix-xogħol fuq livell baxx ta’ vultaġġ, fejn meta kellna dik id-domanda qawwija ħafna rajna numru ta’ kwistjonijiet individwali. Hemmhekk fejn kellna l-akbar kwistjonijiet. Każijiet individwali li kienu milquta,” tenniet il-Ministru Dalli.
“Ma nistgħux naqilgħu pajjiż f’daqqa”
Waqt li qalet li x-xogħol jistgħu jaċċellerawh kemm hemm bżonn, hija rrikonoxxiet ukoll li “ma nistgħux naqilgħu pajjiż f’daqqa”. Hawn qalet li hemm sfidi li jridu jiġu indirizzati. “Jekk inħarsu lejn id-domanda b’mod medju fil-pajjiż hija dik ta’ madwar 450MW. Dan is-sajf rajna domanda ferm u ferm akbar minn hekk. Mhux biss meta kellna dik is-sħana qawwija u allura d-domanda telgħet ghal 741MW, imma anke matul ġranet oħra tas-sajf. Biex tieħdu idea, ikkumparat mal-2014 din is-sena rajna żieda ta’ 86% fuq temp ta’ 12-il sena.”
“Ovvjament fl-aħħar snin il-gvern investa fil-proġetti li raw li nlaħqu ma’ din id-domanda, iġifieri filwaqt li llum qed niffukaw fuq id-distribuzzjoni, il-pajjiż għandu pjan ieħor għaddej kif isaħħaħ il-provvista tiegħu biex ikompli jlaħħaq mad-domanda kif fil-fatt qed isir.”
Il-Ministru Dalli qalet ukoll li l-istress fuq is-sistema qed jiġi kkawżat minn peaks fid-domanda meta jkollna temperaturi qawwija, li huma lokalizzati, iġifieri fuq feeders specifiċi u substations specifiċi. “Hawnhekk fejn jista’ jkollna miżuri li jindirizzaw id-domanda inkluż b’sistemi fejn nistgħu ninvolvu ċertu konsumaturi infushom.”
“Jiena ċerta li intom għandkom l-ideat tagħkom u aħna għandna l-ideat tagħna f’dan ir-rigward u nixtieq l-input tagħkom dwarhom biex naraw kif nistgħu naċċertaw li f’ċirkostanzi ta’ domanda peak (iġifieri l-aktar domanda għolja) jkollna miżuri li jkunu jistgħu jgħinu.”
F’dan ir-rigward, il-Ministru Dalli ħabbret li inkarigat lill-Inginier Abigail Cutajar biex tiltaqa’ mal-imsieħba soċjali u tiddiskuti magħhom miżuri differenti li jistgħu jidħlu fis-seħħ biex il-konsum ikun wieħed responsabbli. “Jien dejjem għidtha, il-fatt li ma ngħabbux bil-kontijiet għoljin ma jfissirx li nippromwovu l-ħela.”
“Tafu li quddiem kull ċirkostanza, qatt ma ddejjaqt niġi quddiemkom biex niddiskutu. Kull sfida li ltqajt magħha rajt li nxammar il-kmiem u naħdem anke a bażi ta’ dak li nkun iddiskutejt magħkom,” tenniet il-Ministru Dalli.
Fil-bidu tal-laqgħa tal-MCESD tkellem ukoll il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti li qal li l-laqgħa tal-lum ġiet iddettata minn ħtiġijiet li lkoll għaddejna minnhom kif ukoll dak li ġie rrimarkat mill-imsieħba soċjali.
“Aħna weġibna u ħassejna li l-aktar punti importanti u pertinenti ta’ dak li kontu qed tgħidu intom hemm barra u anke lilna l-politiċi, inkunu pronti u nressquh għad-diskussjoni fl-ewwel opportunità,” qal il-Ministru Azzopardi Tanti. “Dan hu l-ispirtu ta’ konsultazzjoni u kollaborazzjoni li rridu naħdmu fih. Fl-aħħar mill-aħħar għandna għan wieħed li naraw lil Malta tirnexxi.”
Iċ-Chairperson tal-MCESD Maria Micallef qalet li din il-laqgħa qed issir fi spirtu ta’ djalogu miftuħ, kostruttiv u b’rispett reċiproku biex bħala Kunsill ikomplu jindirizzaw l-aġenda u jsaħħu l-kontribut tagħhom fit-tfassil tal-politika ta’ pajjiżna.
Preżenti għal din il-laqgħa f’isem il-General Workers’ Union kien hemm is-Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri u l-President Jason Deguara.
