Ġie f’pajjiżna bħal ħafna oħrajn. Ħaddiem minn pajjiż terz li ħallas ammont kbir ta’ flus biex jaħdem f’pajjiżna u jaqla’ l-għixien għal familtu. Uday kellu miktub ċar u tond li l-impjieg tiegħu kien se jkun bħala wejter. Ġara iżda li min kien iħaddmu bagħtu fil-Malta Maritime Hub jiżbogħ bċejjeċ marittimi. Issir spezzjoni u jinqabad hemm. Jibdew proċeduri kontrieh biex jitkeċċa minn pajjiżna. L-awtoritajiet imxew b’riga stretta u ddikjaraw li “l-pożizzjoni hi li awtorizzazzjoni ta’ residenza maħruġa għal skop speċifiku wieħed ta’ impjieg ma tistax tipproteġi ċittadin ta’ pajjiż terz li jinstab iwettaq xogħol materjalment differenti u mhux awtorizzat li għalih ma tkun inkisbet l-ebda approvazzjoni.”
Dikjarazzjoni li dwarha il-Qorti tal-Appell ma qablitx u ddikjarat li Uday kien persuna vulnerabbli li kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ sfruttament assolut, ġiet indikata mhux bħala vittma, imma bħala li kienet hi stess li ġabet din is-sitwazzjoni fuqha. Il-Qorti iddeskriviet dan il-każ u l-aġir tal-awtoritajiet bħala ‘insensittività’. Il-Qorti tal-Appell ma waqfitx hemm u qalet li l-Qorti ma tqisx li għandha tkun siekta quddiem dan l-abbuż. Kif dejjem irriteniet din il-Qorti, impjegati ġejjin minn pajjiżi terzi mhumiex xi oġġett li min jimpjegah jista’ jagħmel li jrid bih, imma huma persuni tad-demm u l-laħam bħalna, u għalhekk għandhom jiġu meqjusin bħala tali. Fid-dawl tal-fatti stabbiliti, jirriżulta biċ-ċar li Uday spiċċa f’din is-sitwazzjoni proprju minħabba l-aġir ta’ terzi, u mhux minħabba l-aġir tiegħu.
‘Jien kont sempliċiment qed nobdi l-ordnijiet”
Uday Mindala, hu persuna mill-Indja kien wasal f’Malta b’mod legali u permezz ta’ permess ta’ residenza validu. Huwa kien impjegat ma’ F&F Recruitment Limited, u jirriżulta li ġie arrestat f’Joint Immigration Inspection għaliex huwa nstab ġewwa l-Malta Maritme Hub jagħmel xogħol differenti minn dak li kien hemm indikat fil-permess tiegħu. Uday iddikjara bla tlaqlieq li hu kien qiegħed jagħmel dak ix-xogħol fuq l-istruzzjonijiet li huwa kien ingħata minn min kien qiegħed jimpjegah. Uday jiddikjara li hu spiċċa vittma ta’ terzi, li fuqhom jiddependi il-futur tax-xogħol tiegħu u l-istatus legali tiegħu.
Jissottometti li min kien qiegħed jimpjegah aġixxa b’negliġenza gravi u bi prattiċi amministrattivi abbużivi, billi naqas milli jipproteġi l-istatus legali tiegħu. Jispjega li minkejja li huwa kien instab jiżbogħ, minflok jagħmel xogħol ta’ waiter, huwa kien qiegħed jagħmel dan sabiex jaqdi d-dmirijiet tiegħu bħala impjegat fuq il-post tax-xogħol. Qal li dakinhar tal-ispezzjoni, huwa kien sempliċiment qiegħed jobdi l-istruzzjonijiet li kien tah il-prinċipal tiegħu. Fatt li huwa kkonfermat bl-affidavit tal-istess prinċipal, li qal ċar u tond li Uday kien qiegħed isegwi l-istruzzjonijiet li huwa tah, u li ma kellu l-ebda sehem fid-deċiżjoni fejn jintbagħat jaħdem.
Spiċċa vittma ta’ terzi
Uday jinsisti li huwa spiċċa f’din il-pożizzjoni mhux minħabba xi tort jew negliġenza tiegħu, u jgħid li huwa għamel dak kollu li seta’ sabiex jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu, imma minħabba negliġenza ta’ terzi, huwa ma setax jagħmel dan. Qal li huwa qatt ma kiser deliberatament xi obbligu legali, u dejjem aġixxa in bona fede, fejn ibbaża l-azzjonijiet tiegħu fuq informazzjoni u struzzjonijiet mogħtija minn min kien qiegħed jimpjegah.
L-Uffiċjal Prinċipali wieġeb għal dak li qal Uday u qal li ma jirriżulta minn imkien li Uday kien vittma ta’ terzi. Jgħid li kieku verament ried jibqa’ f’Malta, huwa kellu jmur jaħdem fl-impjieg tiegħu bħala wejter mal-kumpanija li suppost kien qed jagħdem magħha skont il-permess uniku li nħariġlu, u mhux imur jaħdem bħala żebbiegħ mal-Malta Maritime Hub, mingħajr permess li jkopri dan it-tip ta’ xogħol. Kwantu għal dak li qal Uday li huwa kien qiegħed isegwi l-ordnijiet li ngħatawlu, l-Uffiċjal Prinċipali jgħid li ma jistax raġonevolment jingħad li Uday ma setax ikun jaf li x-xogħol ta’ wejter ma kienx ekwiparabbli għal dak ta’ żebbiegħ. Jgħid li għalhekk l-appellant kellu jmur għax-xogħol li kien awtorizzat jaħdem, u mhux jaħdem xogħol ieħor illegalment. Jissottometti li lanqas ma huwa validu l-argument ta’ Uday li donnu ma kellux għażla ħlief imur jaħdem dan ix-xogħol ta’ żebbiegħ, daqs li kieku ma kellux xogħol ieħor ta’ wejter. Jinsisti li għalhekk Uday ma kienx vittma ta’ terzi, imma għandu jieħu responsabbiltà tal-aġir dirett u illegali tiegħu, u li dak li kellu jagħmel sabiex jibqa’ f’Malta b’mod regolari, huwa li jaħdem ix-xogħol li wara kollox kien applika għalih.
Il-Qorti rat li fattwalment ġie stabbilit mill-Bord li Uday kien impjegat ta’ F&F Recruitment Ltd, fir-rwol ta’ wejter, u l-Bord ikkunsidra wkoll li Uday kien qiegħed jagħmel xogħol differenti skont l-istruzzjonijiet ta’ min kien qiegħed jimpjegah. B’hekk, il-Qorti tibda billi tqis li huwa fattwalment stabbilit li Uday kien baqa’ impjegat tal-istess kumpannija, u li kienet dik il-kumpannija li bagħtitu jaħdem ġewwa l-Malta Maritime Hub ma’ Yachthub Services Limited bħala żebbiegħ. Jekk wieħed iħares ukoll lejn l-affidavit ta’ Godwin Galan, direttur ta’ F&F Recruitment Ltd, jirriżulta li dawn il-fatti ġewwa ppruvati sodisfaċentement. B’hekk, din il-Qorti issib li dak sottomess mill-Uffiċjal Prinċipali appellat mhuwiex korrett.
Minn imkien ma jirriżulta li fattwalment Uday kien impjegat ma’ kumpanija partiolari jew ta’ Malta Maritime Hub/ Yachthub Services Limited. Ġie stabbilit mill-Bord stess li Uday dejjem kien impjegat ta’ F&F Recruitment Ltd. Lil hinn minn dan il-fatt, ġie stabbilit ukoll li Uday kien fil-fatt qiegħed jagħmel xogħol ta’ żebgħa fuq opri tal-baħar, proprju taħt l-istruzzjonijiet tal-impjegant tiegħu, u mhux għax hu minn rajh iddeċieda li jibdel xogħlu jew li jagħmel xi xogħol ieħor. B’hekk ma hemm l-ebda dubju, li l-Uday jinsab fis-sitwazzjoni preżenti proprju minħabba l- istruzzjonijiet ta’ min jimpjegah, u mhux minħabba xi deċiżjoni tiegħu.
Din il-Qorti tifhem li l-appellant huwa persuna vulnerabbli, u li ċertament ma kienx jinsab fil-pożizzjoni li jmeri jew li ma jobdix l-istruzzjonijiet li jingħatawlu, u dan proprju meta jirriżulta li l-istat legali tiegħu jiddependi purament fuq ir-rieda ta’ min kien jimpjegah, u mhux f’idejh. Il-proċess amministrattiv tal-applikazzjonijiet legali relattivi jinsab kollu f’idejn min kien jimpjegah, u dan il-fattur fih innifsu kompla jwassal għas-sitwazzjoni odjerna. Dan ifisser li huwa kważi impossibbli li impjegat imur kontra l-ordnijiet li jingħatawlu, għax jekk jagħmel hekk, hemm konsegwenzi severi li jkollu jiffaċċja.
Huwa assurd li l-Uffiċjal Prinċipali stenna mod ieħor. B’hekk din il-Qorti ma tistax ma tinnotax l-insensittività f’dan il-każ kemm min-naħa tal-Bord, u aktar minn hekk tal-Uffiċjal Prinċipali. Insensittività li tidher b’mod ċar kemm mis-sottomissjonijiet u kemm mir-risposta tal-Uffiċjal Prinċipali appellat, fejn persuna vulnerabbli li kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ sfruttament assolut, ġiet indikata mhux bħala vittma, imma bħala li kienet hi stess li ġabet din is-sitwazzjoni fuqha. Iżda r-realtà iżda hija ferm differenti, u din il-Qorti ma tqisx li għandha tkun siekta quddiem dan l-abbuż.
Kif dejjem irriteniet din il-Qorti, impjegati ġejjin minn pajjiżi terzi mhumiex xi oġġett li min jimpjegah jista’ jagħmel li jrid bih, imma huma persuni tad-demm u l-laħam bħalna, u għalhekk għandhom jiġu meqjusa bħala tali. Fid-dawl tal-fatti stabbiliti, jirriżulta biċ-ċar li l-appellant spiċċa f’din is- sitwazzjoni proprju minħabba l-aġir ta’ terzi, u mhux minħabba l-aġir tiegħu. Tqis ukoll li għalhekk Uday m’għandux ibati riperkussjonijiet għal xi ħaġa li ma seħħitx minħabba ħtija tiegħu. Filwaqt li l-liġi għandha tiġi applikata, il-liġi m’għandha qatt tiġi applikata b’tali mod li vittma vulnerabbli ikompli jiġi penalizzat għal għemil ħaddieħor, kif fil-fatt seħħ fil-każ odjern.
“L-awtoritajiet naqsu li japplikaw il-prinċipji ta’ raġonevolezza u tal-proporzjonalità”
Il-Qorti tqis ukoll li huwa minnu li l-awtoritajiet konċernati naqsu milli japplikaw il-prinċipji tar-raġonevolezza, tal-proporzjonalità, u l-element uman. Ċertament, id-deċiżjonijiet drastiċi meħuda fil-każ odjern, ma jirriflettux ir-realtà umana tas-sitwazzjoni ta’ Uday li bħala impjegat kien intbagħat jagħmel xogħol flok ieħor bħala impjegat tal-istess kumpannija. Il-Qorti ma temminx li dan wassal għal xi perikolu jew żvantaġġ la għall-appellant innifsu u lanqas għas-soċjetà ġenerali. Lilhinn mill-eżempji li l-avukat difensur tal-Uffiċjal Prinċipali appellat ressaq waqt it-trattazzjoni, jirriżulta li x-xogħol ta’ żebgħa fuq bastiment tal-baħar ma jeħtieġ l-ebda liċenzja, u li ċertament ma kien qiegħed joħloq l-ebda periklu b’għemilu.
B’hekk, anki tenut kont taċ-ċirkostanzi tal-każ kif indikati aktar qabel, il-Qorti ma tara l-ebda raġonevolezza jew proporzjon f’dak li ġie deċiż fil- konfront tal-appellant. Agħar minn hekk, ċertament li ma kien hemm l-ebda element ta’ dinjità, hekk kif filwaqt li Uday kien tpoġġa f’din is-sitwazzjoni minn terzi, u ma kellu l-ebda kontroll fuq is-sitwazzjoni tiegħu, l-awtoritajiet użaw dik l-istanza sabiex flok jgħinuh jaffaċċja dik is-sitwazzjoni, dan spiċċa f’sitwazzjoni aktar prekarja u imprekattiva. Il-Qorti trid tirrimarka wkoll li dak li seħħ lil Uday kien sa ċertu punt inevitabbli, għax il-permess uniku li nħariġlu kien sabiex jimpjega ruħu bħala waiter mas-soċjetà F&F Recruitment Limited, li hija aġenzija tar-reklutaġġ, u mhux stabbiliment tal-catering.
L-azzjoni li kellha tittieħed kellha tkun kontra min kien qed iħaddmu
Il-Qorti tqis li jekk kellu jkun hemm xi azzjoni li kellha tittieħed, din kellha tittieħed fil-konfront ta’ min kien iħaddem lil Uday, hekk kif jirriżulta biċ-ċar li dan intbagħat jagħmel xogħol differenti b’istruzzjonijiet speċifiċi, u li dan poġġa persuna vulnerabbli f’sitwazzjoni legali prekarja għall-aħħar, daqs li kieku Uday seta’ jiġi użat kif ried min kien qed jimpjegah bla riperkussjonijiet ta’ xejn. Il-Qorti ordnat li din is-sentenza tiġi notifikata lill-Kummissarju tal-Pulizija, lil Jobsplus, lill-Identità, u lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg (id-DIER) sabiex jinvestigaw lill-kumpannija F&F Recruitment Ltd.
