Spanja qed tibgħat truppi biex issaħħaħ is-sigurtà tal-fruntiera wara li nhar il-Ħamis eluf ta’ migranti qasmu l-fruntiera bl-għawm mill-Marokk lejn l-enklavi Spanjola ta’ Ceuta fl-Afrika ta’ Fuq. F’dan l-episodju għerqu mill-inqas 15-il persuna waqt li kienu qed jippruvaw jaslu huma wkoll fi Ceuta.
It-truppi ntbagħtu wara li uffiċjali lokali appellaw lill-Gvern Spanjol għall-għajnuna minħabba żieda riċenti fl-attentati ta’ qsim. Kien hemm xeni kaotiċi nhar il-Ħamis hekk kif il-kontrolli tal-fruntieri apparentement fallew.
Il-Ministeru tal-Intern ta’ Spanja akkuża netwerks tat-traffikar tal-bnedmin li qed jisfruttaw din is-sitwazzjoni biex jinkoraġġixxu l-influss ta’ migranti mingħajr dokumenti. Il-ministeru stqarr ukoll li l-forzi armati se jsaħħu lill-Gwardja Ċivili fl-eżerċizzju tal-poteri tagħha u fi kwalunkwe funzjoni oħra meħtieġa biex tinżamm is-sigurtà u l-ordni fil-belt ta’ Ceuta.
L-enklavi ta Ceuta, li tinsab fuq il-kosta tat-tramuntana tal-Marokk, hija separata mill-art ewlenija ta’ Spanja bl-Istrett ta’ Ġibiltà u ilha żmien twil punt fokali għall-migranti li jippruvaw jaqsmu lejn l-Ewropa.
L-għadd ta’ migranti li qed jippruvaw jaslu fi Ceuta kien ilu jiżdied għal diversi jiem tant li din is-sitwazzjoni wasslet għal tilwim politika mal-Italja fejn il-Prim Ministru Giorgia Meloni stqarret li qed tikkunsidra li tissospendi l-ftehim ta’ Schengen dwar il-fruntieri miftuħa ma’ Spanja.
Il-kummenti ta Meloni rrepetew theddida simili li saret mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Antonio Tajani. Madankollu, hija theddida li tidher impossibbli li tiġi infurzata. Iż-Żona Schengen hija sistema ta’ fruntieri miftuħa li tkopri 29 pajjiż Ewropew li uffiċjalment abolixxew il-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Spanjol Jose Luis Albares akkuża lil Tajani li qed juża l-immigrazzjoni bħala arma għal skopijiet politiċi. Huwa qal li dawn ir-rimarki ma kinux xierqa għal “pajjiż sieħeb u ħabib li minnu nistennew solidarjetà Ewropea u mhux demagogerija partiġġjana”.
Għadu mhux ċar x’wassal għal din iż-żieda fil-qsim illegali mill-Marokk, jew kemm l-awtoritajiet hemmhekk ippruvaw jipprevjenuha. F’punt minnhom, uffiċjal Spanjol qal li l-fruntiera kienet kważi f’kollass totali.
Iċ-ċentri tal-wasla għall-migranti huma mgħobbija żżejjed u l-awtoritajiet lokali akkużaw lil gvern ċentrali li qed idum wisq biex jirreaġixxi. Il-Prim Ministru ta’ Spanja, Pedro Sanchez, li żar it-territorju l-bieraħ, wiegħed li se jerġa’ jġib is-sitwazzjoni għan-normal immedjatament.
F’Melilla, it-tieni belt awtonoma Spanjola fl-Afrika ta’ Fuq, filmati mill-midja lokali u minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem wrew konfronti qrib tal-fruntiera ta’ Beni Ansar.
Iż-żieda qawwija ta din id-darba wasslet għal paraguni mas-sitwazzjoni ta’ Mejju tal-2021, meta madwar 8,000 persuna daħlu f’Ceuta fi ftit jiem biss, fatt li aggrava t-tensjonijiet diplomatiċi mal-Marokk.
F’dawn l-aħħar snin, l-awtoritajiet Spanjoli saħħew is-sigurtà madwar dawn it-territorji permezz ta’ sorveljanza akbar, tisħiħ tal-barrieri u relazzjonijiet bilaterali mtejba mal-Marokk, iżda n-nies xorta waħda baqgħu jippruvaw jaqsmu l-fruntiera llegalment.
