Friday, July 31, 2026
Home Sport Commonwealth Games: L-atleti Maltin kienu fl-azzjoni f’żewġ dixxiplini – fl-Atletika u fil-Lawn...

Commonwealth Games: L-atleti Maltin kienu fl-azzjoni f’żewġ dixxiplini – fl-Atletika u fil-Lawn Bowls

0
3
Ritratt: Mattia Ozbot/Getty Images

L-atleti Maltin illum kienu fl-azzjoni f’żewġ dixxiplini, bl-atletika u l-lawn bowls it-tnejn iwasslu mumenti drammatiċi u riżultati deċiżi b’differenzi minimi.

Atletika

Gina McNamara kkompetiet fid-distanza klassika tal-mil, li llum il-ġurnata rarament tkun inkluża fil-programm, u fej hi kisbet ħin ta’4:48.33. Għalkemm temmet barra l-ħin tar-rekord nazzjonali tagħha, hija żammet mal-pass qawwi u kontinwu tal-bidu matul l-ewwel kilometru, qabel ma saret il-mossa deċiżiva meta kien għad fadal dawra u nofs. Minkejja li baqgħet tiġġieled sal-aħħar, dik l-aċċellerazzjoni kienet ftit wisq għaliha, u spiċċat fl-għaxar post wara prestazzjoni determinata.

Wara l-kwalifikazzjoni impressjonanti tiegħu mill-heats, Jared Micallef ħa postu fit-tieni semifinali kontra wħud mill-aqwa atleti fid-dinja fit-800m. Determinat li jagħti lilu nnifsu kull opportunità li jasal sal-finali, huwa żamm mal-pass impenjattiv tal-bidu u għadda mill-marka tal-400m f’50.9 sekondi. Huwa baqa’ jagħmel l-isforz tiegħu sal-fażijiet finali, iżda hekk kif il-grupp żied il-pass mad-dawra tal-aħħar u daħal fid-dritta finali, ma rnexxilux iżomm mal-veloċità deċiżiva ta’dawn l-atleti, li kollha rreġistraw ħinijiet aħjar mir-rekord nazzjonali tiegħu. Huwa temm it-tellieqa f’ħin ta’ 1:48.24.

Lawn Bowls

Filgħodu, Connie Rixon kisbet l-ewwel rebħa tagħha fil-kampanja tas-Singles tan-Nisa, meta għelbet lill-Gżejjer Falkland f’tie-break mill-aktar eċċitanti.

Rixon kellha bidu perfett u rebħet l-ewwel set b’mod komdu 10–4. Madankollu, il-Gżejjer Falkland irreaġixxew b’saħħithom fit-tieni set, billi rnexxielhom jilagħbu blalen kruċjali fl-aħħar ta’ kull end biex rebħuh 5–4 u sfurzaw tie-break. It-tie-break deċiżiv kien daqstant drammatiku, b’Rixon iżżomm żewġ punti qabel ma t-tielet ballun tal-Gżejjer Falkland deher li kien l-eqreb lejn il-jack, skont il-marker. Madankollu, wara kejl uffiċjali, id-deċiżjoni marret favur Malta, u Rixon kisbet il-punt u t-tie-break biex issiġillat rebħa mistħoqqa.

Ritratt: James Fearn/Getty Images

Aktar tard waranofsinhar, intlagħab konfront missielta bejn Rixon u l-Awstraljana Ellen Fife, f’logħba li fiha ż-żewġ plejers ipproduċew logħob ta’klassi dinjija u wieġbu lil xulxin ballun b’ballun tul il-konfront kollu. L-ewwel set intemm fi draw eċċitanti ta’ 5–5, bl-ebda waħda minnhom ma jirnexxilha tikseb il-vantaġġ.  It-tieni set żamm lil kulħadd fuq ix-xwiek hekk kif iż-żewġ nisa komplew jilagħbu blalen mill-aqwa taħt pressjoni. Kollox ġie deċiż fl-aħħar end, b’Rixon teħtieġ tliet punti biex tirbaħ is-set jew tnejn biex tisforza tie-break. Minkejja l-isforz determinat tagħha, hija rnexxielha tikseb punt wieħed biss u tilfet is-set 5–6.

Sadanittant, kienet logħba diżappuntanti għal Shaun Parnis u Troy Lorimer, minkejja li kellhom bidu ferm aħjar fil-konfront tagħhom kontra Jersey u rebħu l-ewwel set 5–1 bi prestazzjoni kunfidenti. Fil-bidu, it-tieni set deher li se jsegwi l-istess xejra, iżda Jersey irreaġixxew b’saħħithom u għelbu lil Malta 4–3 biex ġabu l-logħba ndaqs u sfurzaw tie-break ferm bilanċjat, biż-żewġ timijiet jipproduċu bowls ta’ kwalità. Minkejja l-isforz determinat ta’ Malta, kienu l-par ta’ Jersey li ħarġu rebbieħa, billi rebħu t-tie-break 2–0 u ssiġillaw il-logħba.

Għada, il-Ġimgħa 31 ta’ Lulju, il-ġudokas Katryna Esposito (-48kg) u James Zahra (-60kg) se jkunu fl-azzjoni. Esposito se tikkompeti fil-kwarti tal-finali tal-kategorija ta’ taħt it-48kg, filwaqt li Zahra se jidħol fir-rawnd eliminatorju tal-aħħar 16 fil-kategorija ta’ taħt is-60kg, bit-tnejn jibdew mill-11am.

Fl-Istadium ta’ Scotstoun, Rachela Pace se tikkompeti fir-Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni tal-Long Jump tan-Nisa, Grupp B. Fil-Lawn Bowls, Connie Rixon tkompli l-kampanja tagħha fis-Singles tan-Nisa kontra Jersey u l-Ingilterra, filwaqt li d-duo tal-Men’s Pairs, Shaun Parnis u Troy Lorimer, jaffrontaw lil Guernsey.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here