Fis-7 ta’ Lulju ġiet inawgurata sala tat-table tennis tal-ALPHA TTK ġewwa l-Mosta. Iċ-ċerimonja ta’ inawgurazzjoni seħħet taħt il-patronaġġ tal-Onorevoli Ministru Julia Farrugia Portelli, l-Onorevoli Graziella Galea, l-Onorevoli Graham Bencini u s-Sur Kevin Azzopardi.
Katia Mifsud, li hija kowċ u amministratur tal-Klabb, laqgħet lil membri distinti u membri tal-Klabb f’din l-okkazjoni filwaqt li semmiet il-passi kbar li għamlet l-ALPHA TTK fl-erba’ snin li ilha topera. Meta wieħed jikkunsidra l-għeluq fit-tul minħabba il-covid, li ġrat fil-fażi bikrijja tal-ftuħ tal-Klabb, hija xi ħaġa ta’ min japprezza kif il-Klabb kompla jespandi u joffri servizzi akbar u aħjar għall-membri u għall-pubbliku in generali.
L-għan aħħari tal-Klabb dejjem kien u jibqa’ li jkabbar l-isport tat-table tennis f’kull livell ta’ abbilta’. Fid-diskors tagħha, Mifsud irringrazzjat lill-membri kollha tal-Klabb li b’xi mod jew ieħor għenu u emmnu f’dan il-proġett li “issa hija ħolma li saret realta’, b’dan l-ispazju miftuħ 24/7 għal dawk li jixtiequ jipprattikaw l-isport f’dan l-ambjent mgħammar bl-għola livell”.
Is-Sur Kevin Azzopardi, Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti ma setax għażel kliem aktar adattat: “Sabiex tirnexxi, wieħed irid joħlom kbir!”, u dan huwa preċiżament dak li għamel il-Klabb mill-ewwel ġurnata li beda jopera. Azzopardi emfasiżża kif l-isport huwa bżonnjuż għall-benessere ta’ kulħadd u saħaq li sala bħal din hija xiehda qawwijja ta’ dak kollu li jagħmel l-isport, sabiex iġib l-isport qrib il-komunita’ b’faċilitajiet miftuħa 24/7 li huma state-of-the-art.
L-Onorevoli Graham Bencini, Shadow Minister għall-iSport, awgura suċċess lill-membri tal-Klabb kollha fl-attivitajiet sportivi tagħhom u faħħar lill-Klabb talli ħoloq “din is-sala fantastika”. Huwa tkellem dwar l-importanza ta’ faċilitajiet bħal dawn għal formazzjoni u tkabbir ta’ atleti elite li huma rappreżentanti ta’ pajjiżna fl-isport. Barra minn hekk, dawn il-faċilitajiet joffru opportunita’ fantastika għall-komunita’ ġenerali sabiex jipprattikaw l-isport.
L-Onorevoli Graziella Galea, Shadow Minister għall-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat, faħħret lil Klabb ta’ dawn il-faċilitajiet li joffru spazju għal kulħadd sabiex jiltaqgħu u jipprattikaw it-table tennis. Hija irrakkomandat lill-Klabb tal-għajnuna kontinwa li qiegħed jingħata lill-persuni bil-marda tal-Parkinson’s u awgurat li dan l-ispazju ikun il-bidu ta’ inizjattivi akbar favur l-inklużjoni soċjali.
L-Onorevoli Julia Farrugia Portelli, Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, għalqet iċ-ċerimonja billi irrinġrazzjat lill-membri kollha tal-Klabb flimkien mal-familji tagħhom. Il-Ministru faħħret ix-xogħol tal-Klabb speċjalment qalb in-nies morda bil-Parkinson’s u in ġenerali qalb il-komunita’ kollha. L-aħħar kliem xieraq tassew sabiex jintemm dan l-avveniment kienu: “L-isport hija lingwa sabiħa li permezz tagħha jingħaqdu il-komunitajiet u li tifforma ċittadini eżemplari”.
Il-kumitat tal-ALPHA TTK jirringrazzja mill-qalb lil kull min għen biex dan il-proġett isir realta, inklużi Alberta Group, Calleja Ltd u Global Group. Din hija l-unika sala ta’ dan it-tip f’Malta fejn insibu imwejjed tat-table tennis dejjem armati għall-logħob. L-apparat kollu inklużi l-imwejjed, l-art u d-dwal huma ta’ livell skond dawk stabbiliti internazzjonalment mill-ITTF.
Is-sala hija miftuħa il-ġurnata kollha u tista’ tintuża għat-taħriġ, kompetizzjonijiet, kampijiet tat-taħriġ, avvenimenti soċjali fi gruppi u anke bħala post fejn jiltaqgħu l-ħbieb sabiex jipprattikaw it-table tennis. Żur https://alphattk.org jew ikkuntatja il-Klabb fuq 7288297 sabiex taċċessa is-servizzi kollha offruti f’dan iċ-ċentru.