Sunday, November 15, 2026
Home Sport Charlize Bartolo u Nicholas Muscat jirbħu l-MBA Platinum Cup 2026

Charlize Bartolo u Nicholas Muscat jirbħu l-MBA Platinum Cup 2026

0
27

Iż-żgħażagħ tal-bowling ikomplu jiddominaw ix-xena lokali ta’ dan l-isport hekk kif Charlize Bartolo u Nicholas Muscat rebħu l-kategoriji tan-nisa u tal-irġiel rispettivament fil-kompetizzjoni prestiġjuża Platinum Cup.

Bartolo wriet forma mill-aqwa sa mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni, fejn temmet fl-ewwel post, quddiem Alja Bergauer, Jade Barbara, Liliana Spiteri, Celianne Micallef u Tiziana Muscat Carannante.

Fil-fażi tar-round robin, Bartolo rebħet tlieta mill-ħames konfronti diretti tagħha, iżda xorta niżlet fit-tieni post wara Jade Barbara. Din tal-aħħar kellha żewġ logħbiet b’saħħithom ħafna, fejn kisbet punteġġi ta’ 230 u 201, li għenuha titla’ fl-ewwel post.

Alja kkwalifikat fit-tielet post, quddiem Liliana Spiteri. Fis-semifinali, Jade affaċċjat lil Liliana, li rnexxielha tegħlibha b’punteġġ ta’ 157-151, biex b’hekk kisbet postha fil-finali kontra Charlize. Din tal-aħħar kienet għelbet lil Alja bl-iskor ta’ 210-177.

Fil-finali, Bartolo aċċertat mir-rebħa b’suċċess f’konfront missielta kontra Liliana, bl-iskor finali jkun ta’ 205-195.

Fil-kategorija tal-irġiel, wara 12-il logħba fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni, Nicolai Mallia spiċċa fuq quddiem tal-klassifika, quddiem Muscat, Matthew Magro, Tomas Caruso, Mikhail Mallia u Philip Gruppetta.

Nicolai rebaħ erbgħa mill-ħames konfronti diretti tiegħu, filwaqt li Muscat, minkejja li kellu medja ġenerali ogħla, rebaħ tlieta mill-ħames logħbiet u spiċċa fit-tieni post, punt wieħed biss wara Nicolai.

Matthew Magro żamm it-tielet post b’erba’ rebħiet minn ħames logħbiet, biex fis-semifinali kellu jaffaċċja lil Muscat. Min-naħa l-oħra, Mikhail Mallia, iż-żgħir fost l-aħwa Mallia, rebaħ erba’ logħbiet u qabeż lil Caruso biex tela’ fir-raba’ post, fejn kiseb postu fis-semifinali kontra ħuh.

Muscat għeleb lil Magro bl-iskor ta’ 214-193, filwaqt li Mikhail issorprenda lil ħuh b’logħba mill-aqwa u rebaħlu 255-187. B’hekk, Mikhail u Magro temmew il-kompetizzjoni fit-tielet post indaqs, filwaqt li Mikhail għadda biex jaffaċċja lil Muscat fil-finali.

Muscat, iżda, ma kellu l-ebda intenzjoni li jċedi. Huwa kellu prestazzjoni mill-aqwa, fejn kiseb punteġġ impressjonanti ta’ 290 kontra 212 tal-avversarju tiegħu, u b’hekk kiseb rebħa mistħoqqa fil-Platinum Cup.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here