Charlo Sammut rebaħ il-plejer tas-sena ta’ GREE Żurrieq Wolves Hotsticks hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet saret is-serata ta’ premjazzjoni lil dawk il-plejers li ddistingwew ruħhom tul l-istaġun 2023/24.
Din is-serata saret fi Ġnien il-Ġibjun fiż-Żurrieq stess fejn il-president tal-klabb Dr Andrei Imbroll flimkien mal-membri tal-kumitat, ippreżentaw numru ta’ unuri filwaqt li rringrazzjaw lil kull min kien involut sabiex għal sena oħra dan il-klabb kompla miexi fit-triq tal-progress.
Adam White rebaħ l-unur tal-iktar plejer li għamel progress fil-livell ta’ taħt it-12-il sena filwaqt li ħuh Thomas ħa l-plejer tas-sena.
Fil-kategorija ta’ taħt l-14-il sena Ethan Abela kien l-iktar plejer li wera progress filwaqt li Chris Farrugia ħa l-plejer tas-sena.
L-aqwa plejer fil-Hockey 7s kien Sean Demarco sabiex żewġ preżentazzjonijiet speċjali saru lejn l-aħħar tas-serata meta Emanuel Borg ingħata unur għas-servizz li ta lill-klabb f’dawn l-aħħar snin filwaqt li Alfred Cutajar kien ippremjat għad-dedikazzjoni tiegħu.