Saturday, December 14, 2024

Charming Soldier b’wirja impressjonanti fil-finali tat-Tazza l-Kbira

Kenneth Vella

Aqra wkoll

Il-Ħadd wara nofsinhar fil-korsa tal-Marsa nieżel is-siparju fuq l-aktar kompetizzjoni prestiġjuża fil-kalendarju tat-trott Malti. Din kienet l-edizzjoni 2022 tat-Tazza l-Kbira għal żwiemel tal-klassi Premier fuq distanza twila ta’ 2640m. Il-finali li saret il-Ħadd, organizzata bl-għajnuna ta’ Bank Of Valletta kienet tagħmel parti mill-għoxrin laqgħa tas-sena fuq tmien tiġrijiet kollha tat-trott, u saret quddiem l-akbar folla li kellna sa issa dan l-istaġun. Din il-finali ntrebħet mill-Iżvediż Charming Soldier misjuq minn Paul Galea u f’medja rekord nazzjonali fuq id-distanza ta’ 2640m. 

Tnax-il żiemel ħadu sehem fil-finali Premier. Kif mistenni l-favorit u rebbieħ tal-edizzjoni 2022, Antoine Du Bourg (Redent Magro) kien l-aktar b’saħħtu wara l-karozza tat-tluq u wara ftit metri fetaħ vantaġġ żgħir minn Caviar Du Vivier (Rodney Gatt) u Gigant Well (Charles Degiorgio). Dawra mit-tmiem, Antoine Du Bourg kien għadu għaddej b’ċertu saħħa u vantaġġ fuq il-kumplament tal-parteżipanti. Madankollu dawn sfumaw fix-xejn meta hu u l-ewwel żwiemel daru biex jaffrontaw id-dritta finali. Kien f’dak il-ħin li ż-żiemel ta’ Magro nqabeż minn Charming Soldier (Paul Galea) li ħa t-tielet rebħa tas-sena b’tul minn Infinite Knight (Charles Camilleri) u Bambino Des Flots (Noel Baldacchino). Doudou De Bouere (Jean Claude Pace) daħal warajhom f’dik l-ordni segwit minn Antoine du Bourg li kellu jikkuntenta bil-ħames post. 

Intant ir-rebbieħ kellu medja ta’ 1.13.5” fil-kilometru li hu medja rekord ġdid tal-finali u nazzjonali anki fuq din id-distanza twila. Charming Soldier hu żiemel Żvediż ta’ disa’ snin u jiġi iben l-istaljun popolari Żvediż Maharajah.  Fi tmiem il-finali, il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima u Charles Azzopardi f’isem l-isponsors, ippremjaw lil Francois u Carmelo Caruana, is-sidien u lil Paul Galea, is-sewwieq taż-żiemel rebbieħ. Dan fil-preżenza ta’ diversi uffiċjali tal-Malta Racing Club. 

Mitlub jikkummenta fi tmiem il-finali dwar dan is-suċċess, Paul Galea qalli li kien iħossu kuntent u emozzjonat fl-istess ħin. “Illum irnexxili nġib realta’ ħolma li dejjem kelli sa minn ċkuniti, dik li nirbaħ din il-finali b’tant storja twila u prestiġjuża. Dwar it-tiġrija kont naf li anki minħabba n-numru li kelli ma stajtx nieħu pożizzjoni quddiem sa mill-bidu nett. Charming Soldier irrisponda tajjeb meta tlabtu jżid fil-ġiri matul l-aħħar 400 metru b’attakk ukoll fuq in-naħħa ta’ barra. Nirringrazzja lis-sidien li dejjem urew fiduċja fija. Jien dejjem emmint li Charming Soldier seta’ jagħmilha u l-ħin impressjonanti li rreġistra jikkonferma dan kollu,” ikkonkluda Paul Galea. 

Ir-rebbieħa kollha

I Tiġrija Klassi Copper. Dist – 3140m. 1. Grace d’Auberville (C. Caruana) Ħin – 4.09.9” (1.19.6”) 2. Echo De Chanteins (D. Xerri) 3. Flexy Vert (C. Camilleri) 4. Glory Oaks (Z. Magri)

II Tiġrija. Klassi Bronze. Dist – 3140m. 1. Attack Photo (D. Baldacchino) Ħin – 4.01.6” (1.16.9”) 2. Diego Jyl (J. Zahra) 3. Vaillant Marceaux (C. Camilleri) 4. Cooper Club (S. Schembri) 

III Tiġrija. Klassi Silver. Dist – 3140m. 1. Fast Loulou (J. Gafa’) Ħin – 4.00.8” (1.16.7”) 2. Giotta Buissonay (C. Camilleri) 3. Goliath Boko (J. Vassallo) 4. Denver Haufor (N. Baldacchino) 

IV Tiġrija. Klassi Gold. Dist – 3140m. 1. Derby Chevaleraie (C. Camilleri) Ħin – 3.59.5” (1.16.3”) 2. Five O’Clock (P. Galea) 3. Diablo Des Forets (J.C. Pace) 4. Bajazet (M. Mizzi)

V Tiġrija. Klassi Gold. Dist – 3140m. 1. Triomphe Ferm (K. Saliba) Ħin – 3.58” (1.15.8”) 2. Campo Grande (M. Bonnici) 3. Cessilac (Ch. Degiorgio) 4. El Gusto (Cherise Farrugia) 

VI Tiġrija. Klassi Gold. Dist – 3140m. 1. Beau De Morgane (D.J. Mercieca) Ħin – 4.00.8” (1.16.7”) 2. Chemsak Vedaquais (J. Said) 3. Casino d’Ourville (P. Galea) 4. Atout De Montbrun (M. Ellul) 

VII Tiġrija. Finali BOV Tazza l-Kbira. Klassi Premier. Dist – 2640m. 1. Charming Soldier (P. Galea) Ħin – 3.14.1” (1.13.5”) 2. Infinite Knight (C. Camilleri) 3. Bambino Des Flots (N. Baldacchino) 4. Doudou De Bouere (J.C. Pace) 5. Antoine Du Bourg (R. Magro) 

VIII Tiġrija. Klassi Silver. Dist – 3140m. 1. Beatnik Turgot (Cherise Farrugia) Ħin – 4.01.8” (1.17”) 2. Pagano (M. Spiteri) 3. Dream Turgot (K. Saliba) 4. Emeraude De Bougy (V. Camilleri) 

Ekonomija

Sport