Friday, November 15, 2024

Chelsea jaqblu li l-club jinbiegħ lil Todd Boehly

Aqra wkoll

Chelsea qablu termini dwar il-bejgħ ta’ £4.25 biljuni ($5.2 biljuni) tal-club lil konsorzju mmexxi minn Todd Boehly, ko-proprjetarju tat-team tal-baseball LA Dodgers.

Il-club tpoġġa għall-bejgħ qabel ma s-sid Roman Abramovich ġie sanzjonat għall-allegati rabtiet tiegħu mal-President Russu, Vladimir Putin, wara l-invażjoni tal-Ukrajna.

Stqarrija ta’ Chelsea qalet li s-sidien il-ġodda se jħallsu £2.5 biljuni għall-ishma tal-club. Id-dħul se jmur f’kont bankarju ffriżat biex jingħata lill-karità.

Il-konsorzju huwa mmexxi minn Boehly iżda Clearlake Capital, ditta ta’ ekwità privata f’Kalifornja, tkun proprjetarja tal-maġġoranza tal-ishma f’Chelsea. Investituri oħra jinkludu l-biljunarju Amerikan Mark Walter, ukoll ko-proprjetarju ta’ LA Dodgers, u l-biljunarju Svizzeru, Hansjoerg Wyss.

Is-sidien il-ġodda qablu li ma jbiegħux sehem ta’ maġġoranza fil-club sal-2032 u taw assigurazzjonijiet fuq dividendi u dejn.

Il-konsorzju qal li se jipprovdi £1.75 biljuni biex jinvesti fil-club tal-Premier League, inklużi “investimenti fi Stamford Bridge, l-akkademja, it-team tan-nisa u Kingsmeadow u finanzjament kontinwu għall-Fondazzjoni Chelsea”.

Fl-istqarrija, Chelsea qalu li l-bejgħ mistenni jitlesta lejn l-aħħar ta’ Mejju. It-teħid tal-kontroll se jeħtieġ l-approvaz­zjoni mill-awtoritajiet tal-football Ingliż u l-Gvern tar-Renju Unit.

Chelsea qed joperaw taħt liċenzja speċjali mill-Gvern tar-Renju Unit li tispiċċa fil-31 ta’ Mejju, iżda x-xahar li għadda, is-Segretarju għall-Kultura Nadine Dorries qalet li l-club kien fuq “ħin misluf” biex itemm il-bejgħ.

Kwalunkwe bejgħ jista’ jiġi ffirmat biss mill-offerent li jgħaddi mit-test tas-sidien u d-diretturi tal-Premier League.

Boehly, investitur u negozjant Amerikan, għandu valur nett irrappurtat ta’ $4.5 biljuni (£3.6 biljuni), skond Forbes.

Il-biljunarju Brittaniku Sir Jim Ratcliffe – azzjonist maġġo­ritarju tal-grupp kimiku Ineos – għamel offerta tard, iżda waslet fid-29 ta’ April, diversi ġimgħat wara l-iskadenza inizjali għall-offerti tat-18 ta’ Marzu.

L-offerta ta’ Ratcliffe ġiet miċħuda iżda fl-4 ta’ Mejju qal li “mhux qed jaqta’ qalbu”.

Ekonomija

Sport