Wednesday, April 24, 2024

Sinjal ħażin mill-Parlament fil-bidu tal-14-il leġiżlatura

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara r-riżultat tal-aħħar elezzjoni, wieħed kien li se naraw bidla fil-ħidma tal-Parlament tagħna, b’mod partikolari fejn tidħol il-ħidma u l-kollaborazzjoni bejn Gvern u Oppożizzjoni.  L-ewwel seduta li mmarkat il-ftuħ tal-Parlament għall-14-il leġiżlatura ma setax ingħata sinjal aktar ħażin meta l-Parlament fetaħ b’battibekki u nuqqas ta’ qbil fuq il-ħatra tal-Ispeaker.

Osservatur Parlamentari li tkellem ma’ Talk.mt, sostna li dak li seħħ fl-ewwel seduta ma’ tantx jawgura tajjeb għal bqija ta’ din il-leġiżlatura. “Ma kienx hemm ftehim fuq il-kariga ta’ Speaker, aħseb u ara kemm se jkun hemm ftehim u kollaborazzjoni fuq materji aktar u aktar serji li se jkun qed jiffaċċja pajjiżna.” 

L-istess osservatur qalilna li “kont nistenna li f’din l-ewwel seduta jingħata sinjal. Dak is-sinjal li l-poplu ilu jistenna – jiġifieri li l-Parlament ma jibqax ikun karatterizzat minn nuqqas ta’ qbil b’mod partikolari fuq ħatriet simili u oħrajn li se jkunu qed isiru. Irridu naraw lid-deputati jargumentaw u jiġġieldu fuq il-prinċipji. Ma’ dan imma rridu narawhom jiftehmu u jaqblu aktar bejniethom fuq materji nazzjonali”, sostna l-osservatu.

Fl-ewwel seduta, Dr Anġlu Farrugia reġa’ ġie elett bħala Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti għat-tielet leġiżlattura. Dan sar wara li l-Gvern ivvota favur in-nomina ta’ Anġlu Farrugia, imma il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech ivvota kontra.

Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech waqt li ddikjara li l-Oppożizzjoni se tivvota kontra, qal li kien ikun aħjar li kieku saret konsultazzjoni dwar il-ħatra tal-Ispeaker. Bernard Grech awgura lil Anglu Farrugia li matul din il-leġislatura jwettaq dmiru skont il-kostituzzjoni.

Minn naħa tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela wieġeb għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni bħala “nkredibbli u surreali kif fl-ewwel intervent tal-Kap tal-Oppożizzjoni jakkuża istituzzjoni b’nuqqas ta’ imparzjalità”. Il-Prim Ministru kompla biex jgħid li osservazzjoni oħra kienet li l-id tal-ħbiberija għal Grech tfisser li tgħaddi tiegħu f’kollox.

Filwaqt li estenda l-id tal-ħbiberija tiegħu mill-ġdid, il-Prim Ministru stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jasal fuq qbil dwar karigi li għadhom pendenti. 

Min-naħa l-oħra, dwar il-kariga ta’ Deputat Speaker, il-Prim Ministru qal li bħala gvern mhux biss qablu dwar il-prinċipju li dak ikun min-naħa tal-Oppożizzjoni u għalhekk ikkonferma li se jkunu qegħdin jivvutaw favur il-ħatra ta’ David Agius.

“Nemmen li Farrugia huwa meritevoli li jkompli f’din il-kariga, għax fl-aħħar leġislatura kien hemm episodji li fihom huwa vvota favur din in-naħa tal-Kamra u kien hemm oħrajn li fihom ivvota favur in-naħa l-oħra”, temm Abela filwaqt li ddikjara li n-naħa tal-gvern se tkun qiegħda tivvota bil-qalb kemm għall-ħatra ta’ Anġlu Farrugia bl-istess mod li bih se tkun qiegħda tivvota bil-qalb għall-ħatra ta’ David Agius.

Sport