Chelsea akkwistaw lill-midfielder internazzjonali ta’ Spanja, Saul Niguez b’self mingħand Atletico Madrid.
Il-player ta’ 26 sena ilu marbut ma’ ċaqliq fil-Premier League għal numru ta’ snin, b’Manchester United kellhom interess fit-tul fil-firma tiegħu fit-twieqi tat-trasferimenti riċenti.
Madankollu, Chelsea ħarġu bħala kontendenti serji dan is-sajf u, minkejja rapporti aktar kmieni fil-jum tal-iskadenza li ssuġġerew li l-ftehim kien sfaxxa fix-xejn, issa ffinalizzaw l-iffirmar ta’ Saul.
Iċ-champions Ewropej huma mifhuma li ħallsu lil Atletico somma ta’ self ta’ €5m, filwaqt li l-ftehim jinkludi għażla li jixtru lill-internazzjonali Spanjol għal €40m f’Ġunju 2022.
Saul qal: “Ninsab eċċitat ħafna li se nibda din l-isfida l-ġdida ma’ Chelsea. Partitarji tal-Blues, jien wieħed minnkom issa u ma nistax nistenna li nilbes il-flokk, nibda nitħarreġ u nara lilkom kollha. Narakom dalwaqt!”
Id-direttur tal-club Marina Granovskaia żiedet: ‘Aħna nilqgħu lil Saul fil-club u nemmnu li hu se jkun qed iħalli impatt pożittiv fl-iskwadra tagħna hekk kif se nkunu qed nikkompetu għall-unuri f’ħames kompetizzjonijiet differenti f’dan l-istaġun. Huwa rebbieħ ippruvat, player b’esperjenza kbira u ninsabu persważi li se jkun qed jadatta tajjeb ħafna għall-isfidi li jiffaċċjawna fis-sena li ġejja. “
Saul daħal fil-gradi ma’ Atletico, meta ngħaqad bħala tifel ta’ 14-il sena fl-2008 u kompla biex għamel 340 dehra mat-team tal-kbar.
Madankollu, l-Ispanjol ġie nfurmat li kien liberu li jfittex sfida ġdida mill-manager ta’ Atletico Diego Simeone dan is-sajf, u issa se jqatta’ l-bqija tal-istaġun b’self ma’ Chelsea.
Saul sar it-tielet akkwist tal-Blues ta’ dan is-sajf, wara Romelu Lukaku u Marcus Bettinelli.