Monday, May 13, 2024

Il-gvern garanti għal dawk li ma jingħatawx self għal xiri ta’ proprjetà minħabba kundizzjoni medika tal-passat

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-PM isostni li l-ħidma favur iż-żgħir u l-batut tiddistingwi l-politiċi

L-Awtorità tad-Djar se tniedi skema ġdida bil-għan li l-istat jidħol garanti għal dawk il-persuni li minħabba kundizzjoni medika li fiequ minna jew minħabba diżabbilità ma jirnexxilhomx jiksbu polza ta’ assigurazzjoni waqt proċess ta’ self mingħand il-banek biex jixtru l-proprjetà tagħhom.

Ħabbru dan il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes f’konferenza tal-aħbarijiet minn Kastilja.

Qal li permezz ta’ din il-garanzija bankarja mill-istat, il-banek se jkunu jistgħu javvanzaw bis-self ta’ individwi li spiċċaw bil-bibien imsabbtin f’wiċċhom wara li saħansitra għelbu bi sfidi kbar kundizzjonijiet ta’ saħħa. Qal li din l-iskema se tidħol ukoll f’każijiet fejn it-talba għall-polza tal-assigurazzjoni titħalla pendenti għal sena jew iżjed.

Tkellem ukoll dwar ċirkostanzi fejn is-self jiġi approvat iżda jintalab premium li jkun eċċessiv. Qal li hawn ukoll l-Awtorità tad-Djar se tagħmel l-intervent tagħha biex tiffaċilita x-xiri ta’ proprjetà.

Il-Prim Ministru qal li meta jseħħu dawn iċ-ċirkostanzi, il-persuni japplikaw mal-housing u jitlaq il-proċess biex l-istat ikun garanti għas-self. Tenna li l-assigurazzjoni li ma jkunx offra l-privat tingħata lill-bank biex ikun jista’ joħroġ is-self lix-xerrej li min-naħa tiegħu jkun jista’ jixtri r-residenza tiegħu u jħallas is-self daqs kwalunkwe loan ieħor.

Għal dan il-għan ħabbar li nħoloq fond ad hoc li ġej mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali li fih se jkun hemm €3 miljun li se jservu bħala garanzija biex il-banek ikunu jistgħu japprovaw is-self.

Din il-garanzija se tkopri massimu ta’ self f’kull każ ta’ 250 elf ewro mingħand il-banek li qed jipparteċipaw f’din l-iskema.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Galdes spjega li l-iskema qed titnieda wara xhur ta’ konsultazzjonijiet u sostna li dan il–mudell se jagħti serħan il-moħħ lil dawk li spiċċaw muġugħin f’dawn is-sitwazzjonijiet.

Spjega li l-persuna għandha l-ewwel tfittex li tikseb polza tal-assigurazjzoni minn kumpanija lokali. F’każ li din tiġi rrifjutata minn żewġ kumpaniji differenti jew inkella jkollha l-applikazzjoni posposta għal 12-il xahar jew tingħata assigurazzjoni bi premium esaġerat, dik il-persuna tkun tista’ tapplika għal din il-garanzija New Hope mal-Awtorità tad-Djar.

Spjega li bħala parti mill-proċess tal-applikazzjoni se jkunu mitluba dokumentazzjoni mingħand tabib jew speċjalista mediku fuq il-kundizzjoni tal-applikant. Fl-istess waqt li l-Awtorità tad-Djar se  tikkordina mas-CRPD biex jiġu vverifikati d-dokumenti u tagħmel ir-riċerki meħtieġa biex ma jkunx hemm abbuż mis-sistema.

Fi tmiem dan il-proċess, l-Aworità tad-Djar toħroġ ittra ta’ rakkomodazzjoni lill-Bank u eventwalment tinħareġ garanizja fuq l-ammont misluf.

Il-Ministru Galdes qal li permezz tal-fond maħluq se jiġu ggarantiti mat-€30 miljun f’home loans.

Mistoqsi minn dan il-ġurnal rigward ir-ruħ soċjali ta’ dan il-gvern, il-Prim Ministru qal li dan il-gvern mhuwiex insensittiv lejn partijiet tas-soċjetà sinifikanti li għaddejjin minn weġgħat. Abela qal li jemmen li l-ħidma favur iż-żgħir u l-batut għandha tiddistingwi lill-politiċi li għandhom jiffukaw fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nies. Huwa sostna li ż-żieda kontinwa fil-penzjonijiet hija prova oħra ta’ kemm dan il-gvern baqa’ jaħdem u se jkompli jaħdem fuq ir-ruħ soċjali.

Sport