Hekk kif fi ftit tal-jiem oħra tibda sena skolastika ġdida, familji bit-tfal u benefiċjarji tal-għajnuna supplimentari fi tmiem il-ġimgħa ser jirċievu pagamenti li b’kollox ilaħħqu kważi €27 miljun li jkopru l-aħħar kwart ta’ din is-sena. B’kollox, din is-sena, dawn il-familji rċevew aktar minn €107 miljuni f’benefiċċji tat-tfal jew Għajnuna Supplimentari.
L-akbar investiment f’dan l-aħħar kwart tas-sena li jkopri minn Ottubru sa Diċembru bil-quddiem ser ikun ta’ kważi €20 miljun f’pagamenti taċ-Children’s Allowance u tas-suppliment addizzjonali li ser imorru għand 42,600 familja bi 63,000 tifel u tifla.
Matul din is-sena l-pagamenti saru skont parametri ġodda li tfasslu fil-Budget li għadda biex jiġu stabbiliti r-rati tal-allowance li jitħallsu familji li d-dħul disponibbli tagħhom huwa wieħed relattivament baxx jew medju.
Bit-tibdil li sar, żdiedu r-rati li jitħallsu dawn il-familji għal kull wild taħt is-16-il sena, bl-ogħla rata tiżdied b’€417 għal €2,330 għal kull wild, li jfisser li familja b’żewġt it-tfal li tkun intitolata għall-ogħla rata, b’kollox din is-sena tħallset €4,660.
Ir-rati jvarjaw skont id-dħul tal-familji, bl-anqas ammont li familja tista’ tirċievi ikun ta’ kważi €1,100 fis-sena għal kull wild li jfisser li familja b’żewġt itfal bl-anqas rata din is-sena tħallset €2,200.
Dan ma jinkludux l-iffrankar ta’ ammont sostanzjali ta’ ewro fis-sena permezz tat-tax cuts għall-ġenituri li bdew minn din is-sena u se jissoktaw fis-sentejn li ġejjin.
Barra minn hekk, aktar minn 2,100 familja oħra bi kważi 2,800 wild li jsofru minn diżabilità fiżika jew intellettwali separatament qed jirċievu il-pagament tal-Allowance għal Tfal b’Diżabilità li wkoll ikopri l-aħħar kwart tas-sena. B’kollox il-pagamenti jlaħħqu €1.35 miljun.
Ħlasijiet oħra ser imorru għand 160 familja li jiffosterjaw tfal f’etajiet sa 21 sena. Għal kull tifel jew tifla fil-kustodja tagħhom din is-sena tħallsu €6,760, żieda ta’ €520 fuq is-sena l-oħra. Għaldaqstant din il-ġimgħa qed jirċievu pagament ta’ 3 xhur ta’ €1,690.
Dawn it-tfal issa se jkunu wkoll koperti b’Aftercare Policy sabiex meta ma jibqgħux iffosterjati għaliex ikunu saru adulti, l-istat jibqa’ jsostnihom sakemm isiru għal kollox indipendenti.
Intant, 20,000 familja, koppji jew persuni singoli oħra ser jitħallsu bejniethom €5.4 miljun f’pagamenti mtejba tal-Allowance Supplimentari. Minnhom, madwar 70 fil-mija huma persuni singoli, romol u persuni separati jew divorzjati li għandhom dħul baxx.
Ir-rata massima li jitħallsu koppji din is-sena żdiedet għal €27.30 fi-ġimgħa, filwaqt li dik ta’ persuni singoli laħqet €14.40 fil-ġimgħa. Ir-rati jvarjaw ukoll skont id-dħul.
L-għadd ta’ benefiċjarji din is-sena kiber b’madwar 1,000 familja bis-saħħa tat-twessiegħ tal-limiti tad-dħul li sar bil-għan li aktar koppji u persuni singoli jibbenefikaw mill-benefiċċju. Il-limitu tad-dħul nett għall-koppji tela’ b’€2,000 għal €20,000, filwaqt li dak ta’ persuni singoli żdied b’€1,500 għal €14,000.
Benefiċjarji fl-età ta’ 65 sena u aktar minn din is-sena gawdew ukoll minn żieda ta’ €100 fl-għotja annwali li titħallas separatament mal-allowance supplimentari. L-għotja li issa tlaħħaq €250 qed tingħata liż-żewġ konjugi minflok għal wieħed jew waħda minnhom kif kien isir qabel.
Barra minn hekk, mill-bidu tas-sena dawn il-benefiċjarji ta’ 65 sena jew aktar saru awtomatikament eliġibbli għal mediċini bla ħlas, mingħajr il-ħtieġa li jissodisfaw it-test tal-mezzi.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon tenna li l-Gvern jibqa’ joffri l-istabbilità u s-serħan tal-moħħ lill-familji Maltin u Għawdxin. “Waqt li diversi familji madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, qed ikollhom jiffaċċjaw diffikultajiet kbar minħabba diversi fatturi, f’Malta l-familji jkomplu jirċievu sostenn qawwi dirett u indirett mill-Gvern. Dan qed isir permezz ta’ diversi benefiċċji u assistenzi, u jixhed l-impenn soċjali qawwi ta’ dan il-Gvern.”
…

