Investiment ta’ aktar minn €5.8 miljun f’Marnisi Wine Estate jkompli jsaħħaħ prodott Malti ta’ kwalità

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-Marnisi Wine Estate, investiment ta’ aktar minn €5.8 miljun minn intrapriża tal-familja Maltija, li minnhom €2.2 miljun ġew minn fondi Ewropej. Proġett li jibni fuq aktar minn mitt sena ta’ għarfien fil-produzzjoni tal-inbid u li se jkompli jsaħħaħ prodott Malti ta’ kwalità filwaqt li joħloq valur miżjud għal setturi bħall-agrikoltura u t-turiżmu.

“Dan huwa eżattament kif għandhom jaħdmu l-fondi Ewropej: mhux bħala għan fihom infushom, iżda bħala katalist għal aktar investiment privat, li joħloq assi produttivi, attività ekonomika u opportunitajiet li jibqgħu f’pajjiżna għal ħafna snin,” qal il-Prim Ministru.

Dr Abela nnota li wara l-Marnisi Wine Estate hemm storja ta’ intrapriża Maltija tal-familja li tgħaqqad 107 snin ta’ esperjenza fil-produzzjoni tal-inbid ma’ ġenerazzjoni ġdida li qed tkompli tinvesti, tinnova u tibni għall-futur.

L-investiment jgħaqqad ukoll it-tradizzjoni ma’ teknoloġija moderna u impenn favur is-sostenibbiltà. Marnisi hija l-unika wine estate f’Malta b’ċertifikazzjoni organika, b’metodi ta’ produzzjoni li jagħtu importanza kemm lill-kwalità tal-prodott kif ukoll lill-ħarsien tal-ambjent.

Il-Prim Ministru saħaq ukoll fuq il-kontribut li investimenti bħal dan jistgħu jagħtu lill-prodott turistiku Malti. Il-Marnisi Wine Estate toffri esperjenza li tgħaqqad l-inbid Malti mal-agrikoltura, il-gastronomija, l-arkitettura u l-pajsaġġ, filwaqt li tkompli ssaħħaħ l-offerta turistika fin-naħa t’isfel ta’ Malta.

“Meta inbid Malti jasal fuq mejda internazzjonali u jkun rikonoxxut għall-kwalità tiegħu, ma tkunx sempliċiment flixkun li qed jiġi esportat. Ikun qed iġorr miegħu isem Malta,” qal Dr Abela.

Huwa temm jgħid li dan l-investiment jirrappreżenta fiduċja fl-intrapriża Maltija, fil-ħiliet tan-nies tagħna u fil-kapaċità ta’ Malta li tipproduċi prodotti premium li joħolqu valur f’pajjiżna u jikkompetu fuq livell internazzjonali.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo u l-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport