Rapporti fil-Ġermanja qed isostnu li Chelsea laħqu ftehim mal-attakkant internazzjonali Franċiż ta’ RB Leipzig, Christopher Nkunku, biex fis-sajf li ġej jingħaqad magħhom.
Fis-sajf li għadda, Nknunku kien marbut ma’ Manchester United, iżda issa jidher li Chelsea se jirbħu t-tellieqa biex jiffirmawh wara li fil-jiem li għaddew sarlu l-eżami mediku fi Frankfurt bħala antiċipazzjoni għat-trasferiment li jista’ jseħħ f’Jannar li ġej.
Saħansitra ntlaħaq ftehim bejn iż-żewġ clubs fejn il-Pensioners se jħallsu £53 miljun.
Jidher li din is-somma huwa valur tajjeb għal Chelsea hekk kif Nkunku ġie vvutat bħala l-Player tas-Sena tal-Bundesliga.
U kompla fejn ħalla fl-istaġun li għadda b’bidu impressjonanti fejn skorja sitt goals fi 11-il logħba fil-kompetizzjonijiet kollha.