Wednesday, March 27, 2024

Ċifri li jikkonfermaw il-bżonn li l-gvern jibqa’ jgħin lil dan is-settur 

Kelliem għall-Għaqda Bdiewa Attivi dwar iż-żidiet fl-ispejjeż li qed iħallu inqas flus fil-but tal-bdiewa

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dawn id-dokumenti jikkonfermaw kemm is-settur agrikolu huwa settur uniku fejn jidħlu l-benefiċċji li jista’ joffri lill-pajjiż. Meta tara l-benefiċċju akkomulattiv, nistgħu ninnutaw li l-fatt li s-settur jiġġenera €121.5 miljun fl-ekonomija Maltija, huwa l-uniku settur li qiegħed jagħmel dan filwaqt li jipprovdilna l-ikel filwaqt li jagħmel dan billi jippriżerva l-ispazji miftuħa ta’ pajjiżna b’tali mod li ċ-ċiklu jerġa’ jiġi ripetut sena wara l-oħra b’mod sostenibbli. 

Qal dan ma’ talk.mt il-kelliem tal-Għaqda Bdiewa Attivi Malcolm Borg b’reazzjoni għal ċifri li ħarġu fl-aħħar jiem fi statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO). Rigward l-interpretazzjoni tal-istess dokument, Borg qal li l-aktar ħaġa importanti li ġiet konfermata fid-dokument kienet iż-żieda kbira ħafna fl-ispejjeż. Huwa qal li din ma kienet l-ebda sorpriża u li dan wassal biex il-bdiewa u r-raħħala qegħdin jibqagħlhom ferm inqas qligħ fil-bwiet tagħhom. Skont l-istudju ppubblikat mill-NSO, il-qligħ għal dawk fis-settur naqas b’madwar 8 fil-mija.

Huwa qalilna li punt ieħor importanti li jirrifletti ċ-ċifri ppubblikati huwa l-fatt li wara l-pandemija għad hemm xi intrapriżi li għadhom qegħdin isibu saqajhom wara l-pandemija. Huwa tkellem dwar il-produzzjoni u qal li fil-verità l-produzzjoni skont l-istess statistika żdied b’0.3 fil-mija meta kkumparat mas-sena ta’ qabel. Madanakollu huwa qal li hemm prodotti bħalma huma l-patata u d-dwieli li naqqsu fil-produzzjoni meta kkumparat mas-sena ta’ qabel. Rigward il-patata, Borg qal li jemmen li t-tnaqqis ta’ 6.7 fil-mija x’aktarx huwa dovut mill-isfidi tal-pandemija. Jista’ jkun li minħabba li ħafna mill-patata Maltija tiġi prodotta għall-esportazzjoni, is-suq ma kienx wieħed b’saħħtu ħafna u għalhekk id-daqqa ta’ ħarta kienet waħda pjuttost kbira għall-bdiewa li jkabbru dan il-prodott. Borg qalilna li minkejja li l-istatistika ma tispjegax ir-raġuni wara tali tnaqqis, jemmen li anke fejn jidħlu d-dwieli, il-problema fis-settur tal-catering seta’ kien ta’ detriment għall-prodotti ġejjin mid-dwieli f’pajjiżna.

“Personalment ma narax settur aktar sostenibbli li jagħti daqshekk frott f’ċiklu li jista’ jibqa’ jiġi ripetut”

Malcolm Borg

Fejn jidħlu żidiet kbar fl-ispejjeż, l-istatistika kkonfermat il-karba tal-bdiewa fejn jidħlu żidiet fil-prezzijiet tal-fertilizzant. Dan hekk kif skont l-istatistika maħruġa meta kkumparati mas-sena ta’ qabel, dawn l-ispejjeż żdiedu b’9.6 fil-mija.

Hawnhekk Borg innota l-fatt li l-gvern fl-aħħar ġimgħat ħabbar skema ta’ €3 miljun li se tgħin lill-bdiewa biex jegħlbu dawn iż-żidiet. Bdiewa Maltin u Għawdxin se jibbenefikaw minn skema ta’ għajnuna li għaliha hemm allokat baġit ta’ €3 miljun minn fondi nazzjonali. Fit-tnedija ta’ din l-iskema, il-Ministru għall-Agrikotura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo rrikonoxxa l-fatt li l-bdiewa Maltin u Għawdxin qed jaffaċjaw żieda kbira fl-ispejjeż tal-produzzjoni, b’mod partikolari ż-żieda fil-prezz tax-xiri tal-fertilizzanti li huma neċessarji fl-attività agrikola tagħhom.

Dwar dan Borg qalilna li l-gvern laqa’ t-talba tal-għajnuna. Dan hekk kif l-aktar minħabba s-sitwazzjoni tal-gwerra fl-Ukrajna, ħafna mill-fertilizzati jiġu minn dawn iż-żewġ pajjiżi, biex jiġu prodotti għandhom bżonn iż-żejt li l-istess il-prezz tiegħu sploda u miegħu l-prezz tagħhom. Huwa sostna li minbarra dan kollu, il-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna kompliet tiggrava s-sitwazzjoni u l-bdiewa bdew prattikament “jiġġennu” quddiem dawn iż-żidiet.

Hawnhekk bħala Għaqda Bdiewa Attivi, Borg, filwaqt li rrikkoxxa li din l-għajnuna ġiet f’waqtha, ma jaqblux mal-mod kif ġew imqassma dawn il-vouchers biex jinxtraw il-fertilizzanti.

“Mhux kemm għandek raba’ imma x’tagħmel bih ir-raba’. Jista’ jkollok tomna raba’ li jkollok serra fiha u jkollok għaxart itmien raba’ li fiha ma jintużax daqstant fertilizzant. Serer li jkabbru prodott bħalma huwa t-tadam li jitkabbar b’metodu intensiv u li għandu ħajja pjuttost twila, se jkun qiegħed jonfoq ferm iżjed bħala spiża fuq fertilizzant. Mill-ġdid napprezzaw l-għajnuna, iżda ħassejna li bħala Għaqda kellna nagħmlu l-pożizzjoni tagħna”, kompla biex jenfasizza Borg.

Mistoqsi rigward il-possibbiltà li d-demel tal-annimali f’pajjiżna jtaffu l-problema taż-żidiet fil-prezzijiet tal-fertilizzant, Borg qal li l-bdiewa Maltin u Għawdxin qegħdin jivvalorizzaw aħjar dan is-sors ta’ nutriment. Madanakollu sfortunatament hemm qabża kbira fl-ammont ta’ nutrimenti li jagħtu ż-żewġ prodotti. Qalilna li per eżempju biex tilħaq il-livell ta’ nitroġenu li jingħata lil ċertu pjanti, id-demel tal-baqar joffri 2 fil-mija f’paragun mat-30 fil-mija li kapaċi joffru l-fertilizzanti. Spjega li dan fl-aħħar mill-aħħar jagħmilha impossibbli biex ċertu prodotti jitkabbru mingħajr fertilizzant kemm minħabba l-ammonti ta’ demel li trid tagħti biex tilħaq il-livell meħtieġ kif ukoll bħala xogħol li jiżdied lill-bidwi li prattikament tagħmilhielu impossibbli biex ilaħħaq.

Borg għalaq jappella biex il-gvern jibqa’ jissussidja lill-bdiewa u lir-raħħala tagħna anke minħabba li kif juru dawn iċ-ċifri, dawn in-nies mhux biss jipprovdulna l-ikel, iżda prattikament jdawru settur li kapaċi joffri dawn it-tliet rebħiet f’daqqa li jagħmluh fost l-aktar sostenibbli.

Ekonomija

Sport