Sunday, December 22, 2024

Chris Fearne ma kienx se jgħaddi mill-grilling biex ikun Kummissarju Ewropew

- Bernard Grech waqt attività politika f’San Ġwann

Aqra wkoll

“Li kieku d-Deputat Prim Ministru ma rriżenjax u ma rtirax in-nomina tiegħu għall-Kummissarju Ewropew, xorta waħda ma kienx jieħu l-kariga għax ma kienx se jgħaddi mill-grilling li jsir.” Hekk stqarr il-kap Nazzjonalista Dr Bernard Grech waqt li kien qiegħed jindrizza attività politika bit-tema “Għalik” f’San Ġwann.

Dr Grech qal li l-Prim Ministru Robert Abela qiegħed jipprova jirkeb fuq ir-riżenja ta’ Chris Fearne u anke rabat l-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju ma vot ta’ fiduċja mad-Deputat Prim Ministru. Sostna iżda li Chris Fearne rriżenja għax ma felaħax aktar għat-taħwid tal-Gvern.

F’diskors ta’ kważi 30 minuta, il-Kap Nazzjonalista attakk b’mod kontinwu lill-Prim Ministru u fl-ebda ħin ma tenna xi proposti li se jkun qiegħed iressaq ‘il quddiem il-Partit Nazzjonalista. Qal li l-Prim Minstru Abela jinsab iżolat u qiegħed f’rokna waħdu.

Tenna li l-Prim Ministru “mhux iffukat fuqek, iżda ffukat fuqu nnifsu. Mhux iffukat fuq il-problemi tiegħek, iżda ffukat fuq il-problemi tiegħu. Hu ffukat biss kif se jsalva lilu nnifsu.” Dr Grech qal li tant kemm hawn kriżi politika fil-pajjiż li anke l-President ta’ Malta ħasset li kellha titkellem filwaqt li mill-ġdid akkuża lil Robert Abela li hu jeżisti biss f’realtà li tiżisti biss f’moħħu.

Il-Kap Nazzjonalita qal li issa anke l-akkademiċi qegħdin jisimgħu minnu minħabba li wara l-appell li għamillhom bdew jitkellmu fil-pubbliku dwar dak li għaddej fil-pajjiż. Semma b’mod partikolari lil Prof. Andrew Azzopardi.

Ma setax jonqos li fid-diskors tiegħu jirreferi wkoll għal isptarijiet fejn sostna li Gvern Labursita qiegħed jagħmel dak kollu posibbli biex iwaqqaf lil Partit Nazzjonalista milli jġib l-400 miljun ewro lura.

Fl-istess diskors Dr Grech sellem lill-ommijiet kollha b’mod partikolari lil Isabelle Bonnici – omm Jean Paul Sofia – fejn qal li din waqfet kontra kulħadd “saħansitra kontra dawk li riedu jixtruha.”

Intant fi tmiem id-diskors tiegħu Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem bil-għaqal u se jibqa’ jisaħħaħ. Qal li l-Partit Nazzjonalista mhux se juri lil poplu dak li qed jisraq il-Gvern biss, iżda se jkun iffukat għal poplu kollu biex ikompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol fosthom il-pagi.

Ekonomija

Sport