Thursday, July 24, 2025

Ciccio Graziani jiltaqa’ mal-partitarji Maltin ta’ AS Roma

Aqra wkoll

L-Erbgħa filgħaxija, l-eks plejer leġġendarju Champions tad-dinja fl-1982, Francesco Graziani żar stabbiliment ewlieni f’Birkirkara fejn hemmhekk iltaqa’ ma’ numru sabiħ ta’ partitarji Romanisti Maltin u mhux.

Huwa ġie milqugħ mill-president ta’ Roma Club Malta, Ray Sant, bit-tnejn li huma jagħmlu kelmtejn tal-okkażjoni.

“Ciccio” kif isejjaħlu kulħadd, baqa’ affaxxinat li żar l-ewwel klabb tar-Roma, barra minn Ruma. Fil-fatt dan il-klabb storiku ġie mwaqqaf fl-1973.

Waqt din is-serata fost oħrajn spikka messaġġ awdjo-viżiv minn eks plejer leġġendarju ieħor ta’ Roma u tat-tim nazzjonali Taljan, Bruno Conti, li huwa ħabib kbir personali tagħhom it-tnejn.

Graziani qatta’ tliet snin u nofs mat-tim tar-Roma, fejn irnexxielu jgħinhom jirbħu żewġ Coppa Italia fl-1984 u fl-1986.

F’dawk iż-żminijiet, ir-Roma kienu fost l-aqwa timijiet fl-Ewropa, fejn saħansitra waslu fil-finali taċ-Champions Cup fl-1984, li tilfuha sfortunatament kontra Liverpool wara l-għoti tal-penalties.

Għalhekk din il-ġimgħa kienet ferm speċjali għat-tfal tagħna, li kellhom l-opportunitá mill-isbaħ li jitħarrġu ma’ Graziani nnifsu waqt training camp li sar fil-grawnds tal-Melita FC, b’kollaborazzjoni ma’ Rising Star Scouting MT.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport