Sunday, January 5, 2025

Ċiklista tqajjem għarfien ta’ kemm huwa diffiċli l-użu tar-roti minħabba toroq mimlija karozzi…

Il-produzzjoni tar-roti tal-UE tonqos bi tliet miljun

Aqra wkoll

Iċ-ċikliżmu huwa mezz ta’ trasport favur l-ambjent u fl-istess ħin iservi bħala forma ta’ eżerċizzju fiżiku għal dawk li jagħżlu li jirrikorru għal dan it-tip ta’ vjaġġar. Jirriżulta però, li minkejja l-kampanji, il-ħidma anke politika, infrastruttura u anke rieda mill-pubbliku għal mezzi aktar sostenibbli ta’ trasport, fl-2023 fl-Unjoni Ewropea kien hemm tnaqqis ta’ xejn inqas minn 24% fil-produzzjoni tar-roti meta mqabbla mal-2022 (12,7 miljun). Fil-fatt, is-sena l-oħra ġew prodotti 9,7 miljun rota fl-UE, jiġifieri tliet miljun rota inqas.

Meta wieħed iħares lejn id-data mhux kunfidenzjali disponibbli, jirriżulta li l-akbar produttur ta’ roti fl-2023 kien il-Portugall b’1.8 miljun unità. Dan il-pajjiż kien segwit mir-Rumanija (1.5 miljun), l-Italja (1.2 miljun) u l-Polonja b’0.8 miljun. 

Id-data mhux kunfidenzjali disponibbli turi li 14 minn 17-il pajjiż tal-UE li rrapportaw raw tnaqqis fil-produzzjoni tar-roti bejn l-2022 u l-2023. L-ogħla tnaqqis fl-għadd ta’ roti ġie rreġistrat fir-Rumanija b’-1.0 miljun unità, segwita mill-Italja b’-0.7 miljun u mill-Portugall bi kważi -0.4 miljun unità.

Dan it-tagħrif ħareġ minn statistika uffiċjali tal-Eurostat li tkopri data tal-produzzjoni ta’ oġġetti manifatturati (PRODCOM). Fil-każ ta’ Malta, flimkien ma’ Ċipru u l-Lussemburgu, aħna eżentati mill-ġbir ta’ din id-data. 

Ċiklisti jaqtgħu qalbhom minħabba t-traffiku u nuqqas ta’ sigurtà….

Fuq din it-tema ħadna kumment mingħand ċiklista li għal snin sħaħ kienet ta’ spiss tagħmel użu minn rota bħala mezz biex tivvjaġġa bih. Dan għamiltu sa riċentement hekk kif kellha tieqaf minħabba li “it-toroq mill-ħażin marru għall-agħar fejn tidħol sigurtà u problema oħra hija li l-karriġġjati għaċ-ċiklisti ma jkomplux”.

Hija qaltilna li għal 13-il sena sħaħ kienet tuża r-rota bħala mezz tat-trasport biex tmur għax-xogħol għax kienet tippreferi milli tuża l-karozza. “Hawn it-temp huwa kważi s-sena kollha perfett u kont nieħu gost nagħmel l-eżerċizzju wkoll għax huwa tajjeb ħafna għas-saħħa,” spjegat din iċ-ċiklista. Fl-opinjoni tagħha biex ikun hemm użu minn dan il-mezz ta’ trasport sostenibbli u favur l-ambjent, hemm bżonn li jonqsu l-ispazji għall-parkeġġ u jiżdiedu l-karreġġjati apposta għar-roti. Barra minnhekk, saħqet li “hemm bżonn jiddaħlu miżuri li jikkalmaw it-traffiku, miżuri li effettivament diġà daħlu f’pajjiżi oħra”.

Network ġdid tar-roti

Fi żviluppi fir-rigward, l-għaqda lokali Rota kienet laqgħet bi pjaċir l-aħbar li ngħata tender għal network ġdid tar-roti. Il-Viċi President ta’ Roti, Juan Buhagiar Duijst faħħar dan il-pass importanti ħafna biex iċ-ċikliżmu f’Malta jkun aktar sigur u mezz ta’ trasport aktar konvenjenti. 

Rota qalu li huma lesti għal diskussjoni miftuħa mal-awtoritajiet tul il-proċess tal-implimentazzjoni filwaqt li reġgħu sostnew fl-importanza li tkun stabbilita strateġija nazzjonali taċ-ċikliżmu b’liġijiet li jipproteġu s-sigurtà taċ-ċiklisti u tal-persuni fit-toroq.

Sadanittant, l-istatistika tal-Eurostat ma koprietx il-kwantità tal-produzzjoni għall-kont proprju wżat ta’ Spanja, l-Awstrija u l-Bulgarija, jiġifieri l-produzzjoni totali mibjugħa, minħabba li ma kinitx disponibbli għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità. Mentri, fil-każ ta’ Franza, il-Ġermanja, il-Belġju, il-Latvja u s-Slovenja, l-informazzjoni relatata għall-2023 ma kinitx disponibbli wkoll minħabba l-kunfidenzjalità.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport