Wednesday, July 24, 2024

Ċikliżmu:L-ewwel ġurnata – Bidu mill-aqwa għal Maltin fit-Tour…. ħamsa fuq il-podju 

Aqra wkoll

L-ewwel ġurnata tat-28 Edizzjoni tat-Tour ta’ Malta taċ-Ċikliżmu, bis-sehem ta’ diversi ċiklisti lokali flimkien ma’ oħrajn barranin, rat dominanza Maltija fil-bidu tat-Tour, fejn ħames ċiklisti lokali spiċċaw fuq il-Podium. L-ewwel tappa kienet tikkonsisti f’Time Trail Individwali fuq iċ-ċirkwit ta’ 5km kilometru tal-Coast Road, Salini, fejn iċ-ċiklisti kollha għamlu 3 dawriet għal distanza totali ta’ 15 il-kilometru.

L-attenzjoni prinċipali kienet fuq il-kategorija Elite fejn fl-ewwel post daħal il-Malti Bernard Galea ta’ The Cyclist/Agones f’ħin ta’ 24 minuta u 5 sekondi. Fit-tieni post spiċċa t-Taljan Simone Cerio ta’ ASD Team Simo Bike 5 sekondi warajh, filwaqt li Heorhii Antonenko ta’ OBOR-BIKE AID Cycling Team (Svizzera) spiċċa t-tielet f’ħin ta’ 24 minuta u 28 sekonda.

Il-kategorija tan-Nisa ntrebħet mil-Maltija/Awstraljana Jessica Pratt tat-Team Greens f’ħin ta’ 27 minuta u 35 sekonda. Tmien sekondi warajha daħlet l-Ingliża Mathilde Pauls ta’ FTP RACING (UK), mentri l-Maltija Marie Claire Aquilina tat-Team Greens spiċċat it-tielet f’27 minuta u 45 sekonda.

Fil-kategorija tal-Masters, il-Kolumbjan Joaquin Rojas tat-Team Greens spiċċa fl-ewwel post f’ħin ta’ 25 minuta u sekonda. Tliet sekondi biss warajh spiċċa sieħbu Etienne Bonello wkoll tat-Team Greens, mentri Mark Zammit ta’ Mosta CC daħal fit-tielet pożizjoni f’ħin ta’ 25 minuta u 23 sekonda.

Fi tmiem dan l-istadju, Julian Pace Bonello, President tal-Kumitat Olimpiku Malti ippreżenta l-midalji u l-flokk l-aħmar lir-rebbieħa. Għal darb’oħra dan it-Tour qed jsir taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, bis-sapport ta’ SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti.

It-Tour ta’ Malta jkompli għada l-Ġimgħa 12 ta’ April ser issir tiġrija fuq iċ-ċirkwit ta’ 3.5km tal-Bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ fejn l-Elite ser jagħmlu 15 il-dawra, filwaqt li n-Nisa u l-Masters ser jagħmlu 12 il-dawra. It-tluq ser ikun fl-10:00 ta’ filgħodu.

Ekonomija

Sport