Monday, May 13, 2024

Cinema City: wirjiet ta’ films fil-miftuħ u bla ħlas fil-Belt Valletta

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bejn il-25 u t-28 ta’ Ġunju, lejliet l-Imnarja, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se tkun qed torganizza erba’ serati li waqthom se jintwerew films fil-miftuħ, fl-ispazju aħdar ta’ Ġnien Laparelli fil-Belt Valletta li jinsab taħt id-dħul ewlieni tal-Belt, u li kien inawgurat fl-2018 fis-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Dawn il-wirjiet ta’ films huma adattati għall-familja kollha u d-dħul huwa bla ħlas għal kulħadd.

Il-films li se jkunu qed jintwerew huma Jurassic World (il-Ħamis 25 ta’ Ġunju), World War Z (il-Ġimgħa 26 ta’ Ġunju), The Greatest Showman (is-Sibt 27 ta’ Ġunju), 13 Hours: The Secret Soldiers of Benghazi Captain Phillips (il-Ħadd 28 ta’ Ġunju). Il-films jibdew fit-8pm, u fil-każ tal-Ħadd, it-tieni film jibda fl-10.15pm. World War Z13 Hours: The Secret Soldiers of Benghazi u Captain Phillips huma kollha films li jinkludu xeni li ġew maħduma f’pajjiżna u fit-toroq tal-Belt Valletta, u għalhekk għandhom rabta speċjali mal-kapitali tagħna.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera qal li “permezz tal-ħolqien ta’ attivitajiet ta’ din ix-xorta, se nkunu qed nerġgħu nagħtu spinta lill-ħajja kulturali u ekonomika fil-belt kapitali Maltija, li ntlaqtet b’mod negattiv minħabba l-pandemija tal-Covid-19”.

Minister for the National Heritage, the Arts and Local Government José Herrera and Minister for Tourism and Consumer Protection Julia Farrugia Portelli attend the launch of an outdoor cinema event\

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li permezz ta’ din l-attività fil-miftuħ qed tinħoloq opportunità għall-familji li jgawdu dawn il-films mill-isbaħ u li juru lil pajjiżna bħala destinazzjoni ta’ films kbar. Dan filwaqt li qed isir f’waħda mill-iżjed spazji miftuħin b’xenarju mill-isbaħ. “Wegħdna li se jkollna sajf u dan hu dak li qed jiġri. Bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Maltija għall-Films se nuru films li anke uħud minnhom anka lqajniehom f’pajjiżna biex jiġu ffilmjati. Ċertament se tkun esperjenza sabiħa ferm għal dawk kolla li se jagħżlu li jiġu l-Belt fl-aħħar weekend ta’ Ġunju, għax se jkunu jistgħu japprezzaw is-sbuħija tal-Belt mhux biss fi Ġnien Laparelli iżda anke f’dawk l-akwati li fihom diversi diretturi għażlu li jiġbdu x-xeni tagħhom.”

Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li “Dan huwa wieħed minn sensiela twila ta’ attivitajiet kulturali u soċjali fil-Belt Valletta għal Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru”. Tenna li “l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ħejjiet programm kulturali kbir biex il-Belt Valletta terġa’ tara mill-ġdid riġenerazzjoni ekonomika, kulturali u soċjali”.

Id-dħul ewlieni għal Cinema City fi Ġnien Laparelli huwa permezz tat-taraġ u tal-lift li jinsabu ħdejn il-bini tal-Parlament. Dawk li ġejjin bil-karozza jistgħu jipparkjaw fil-foss ta’ San Ġakbu u Ġnien Laparelli, li d-dħul għalih hu minn Triq l-Assedju l-Kbir. Id-dħul huwa bla ħlas, madanakollu se jkun hemm numru limitat ta’ siġġijiet. Għalhekk, dawk li jixtiequ jattendu għandhom jiksbu biljett mill-uffiċċju tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, il-Ministeru għat-Turiżmu jew il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Biljetti se jkunu disponibbli fuq bażi ‘first come, first served’.

Matul l-istess ġranet se jkun hemm ukoll sfilata ta’ kostumi artistiċi fit-toroq ewlenin tal-Belt Valletta, bejn is-6pm u t-8pm. Il-pubbliku huwa mistieden li jżur it-toroq tal-Belt qabel ma jattendi għall-wirjiet tal-films fi Ġnien Laparelli, sabiex jammira dawn il-kostumi kkuluriti.

Għal aktar informazzjoni, żur u segwi l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

Sport