Tuesday, December 10, 2024

Cisk Excel tirbaħ il-Fidda fil-Brussels Beer Challenge 2024

Aqra wkoll

Cisk Excel, il-birra lager baxxa fil-karboidrati, rebħet il-Fidda fil-kategorija Low carb – Speciality Beer tat-13-il edizzjoni tal-Brussels Beer Challenge li ttellgħet bejn il-5 u s-7 ta’ Novembru f’Ghent, il-Belġju.

Il-Brussels Beer Challenge tiċċelebra d-diversità globali u l-innovazzjoni fil-birer, u tagħti prominenza lill-birreriji li jkunu spikkaw minn kull rokna tad-dinja. Il-midalja miksuba f’din l-isfida hija importanti għal Cisk Excel għax tqegħedha fuq waħda mill-ogħla pjattaformi tal-industrija tal-birra.

Mill-bidu tagħha fl-2012, il-Brussels Beer Challenge stabbiliet ruħha bħala avveniment internazzjonali ta’ livell għoli li jattira firxa wiesgħa ta’ parteċipanti – minn birreriji artiġjanali żgħar sa marki ta’ birer globali rinomati. Il-kompetizzjoni tinkludi varjetà mill-aqwa ta’ stili ta’ birra u tradizzjonijiet tat-tisjir tal-birra, u l-lokazzjoni tagħha fi Brussell tgħin biex toħroġ il-wirt rikk tal-Belġju fit-tisjir tal-birra u l-konnessjoni kruċjali tiegħu mal-komunità globali tal-birra.

Cisk Excel uriet xi ssarraf diġà, kull darba li rebħet rikonoxximent f’kompetizzjoni internazzjonali rinomata, fosthom fl-edizzjoni tal-2021 tal-Brussels Beer Challenge u meta kisbet l-aħħar premju tagħha fl-International Brewing & Ciders Awards aktar kmieni din is-sena.

Is-Sur Eugenio Caruana, l-Chief Operations Officer ta’ Simonds Farsons Cisk plc, qal: “Ir-rikonoxximenti li qed nirċievu sena wara sena minn dawn il-kompetizzjonijiet internazzjonali prestiġjużi jixhdu d-dedikazzjoni li għandna biex inżommu l-ogħla kwalità fil-birer tagħna. It-tim tal-birrara tagħna jibqa’ impenjat għall-eċċellenza u l-innovazzjoni.”

“Kburin ħafna b’dawn il-kisbiet għax għandhom irwol importanti fit-tisħiħ tal-viżibbiltà tal-marka tagħna fis-swieq internazzjonali. Id-dedikazzjoni tat-tim tal-birrara tagħna għal birer ta’ kwalità eċċezzjonali, napprezzawha ferm,” kompla s-Sur Michael Farrugia, Deputy Chief Executive (Beverage Business) ta’ Simonds Farsons Cisk plc.

Cisk Excel hi prodotta, irreklamata, u mqassma minn Simonds Farsons Cisk plc u hi parti mill-portafoll tal-birer Cisk li jinkludi Cisk Lager, Cisk 0.0, Cisk Pilsner, Cisk Premium, Cisk Strong u Cisk Chill.

Ekonomija

Sport