Sunday, November 24, 2024

Claudio Cassar jirbaħ it-tielet ranking tournament tal-Blackball

Aqra wkoll

Il-ġimgħa l-oħra ntemm it-tielet tournament ta’ kwalifikazzjoni għat-tazza tan-nazzjonijiet 2024 organizzat mill-Federazzjoni Maltija tal-Blackball fejn kellna ħames rebbieħa li kisbu suċċess fil-kategorija rispettiva tagħhom.

Fil-finali tal-irġiel Claudio Cassar kien aħjar minn Lydan Debono tant li rebaħlu 10-5. Cassar stabilixxa vantaġġ ta’ erba’ punti sakemm Debono beda ġej bil-mod għalkemm ftit seta’ jagħmel kontra l-konċentrazzjoni tal-avversarju tiegħu li baqa’ konsistenti sal-aħħar sabiex rebaħ b’mod meritat.

Fil-finali ta’ taħt it-18-il sena kellna logħba interessanti ħafna bejn Jake Castaldi u Steven Muscat b’tal-aħħar jirbaħ 9-7. Il-logħba kienet inċerta sal-aħħar bid-determinazzjoni ta’ Muscat li fl-aħħar mill-aħħar premjatu.

Daniel Vella rebaħ lil Christian Spiteri 9-7 fil-finali ta’ taħt it-23 sena filwaqt li fil-finali Seniors ta’ ‘l fuq minn 40 sena Chris Tabone kien ferm aħjar minn Lee Grima tant li rebaħ 10-3.

Finalment Jason Mangion rebaħ lil Michel Curmi 10-7 fil-finali Masters 50+.

Dan il-logħob sar fil-Klabb Anici f’Ħal Qormi bit-trofej li ġew ippreżentati mill-membru anzjan Lino Lauro.

Sadanittant illum jibda r-raba’ ranking tournament bil-logħbiet li se jintlagħbu fil-Klabb Anici f’Ħal Qormi u fil-Juventus Club Vero Amore f’Birkirkara.

Sport