Clayton Failla, iffirma kuntratt ta’ sena ma’ Gzira United FC. Failla, m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni għal dawk li jħobbu l-futbol Malti. Huwa rebbieħ tal-MFA Player tas-Sena ta’ Malta darbtejn u lagħab 55 darba mat-Tim Nazzjonali Malti fejn skorja żewġ gowls. Huwa lagħab 488 partita f’partiti lokali u internazzjonali ma’ klabbs Maltin, fejn skorja 134 gowl. Fl-aħħar ħames staġuni lagħab ma’ Mosta FC.
Il-president ta’ Gzira, Sharlon Pace, qal: “Hekk kif it-Team Manager Marlon Galea qalli li Clayton kien plejer disponibbli, immedjatament tajt il-permess għal dan l-akkwist. Clayton se jagħtina esperjenza u personalità fid-dressing room u fil-grawnd.”
“Flimkien ma’ Gabriel Bohre Mentz u Maxuell Maia se jgħin liż-żgħażagħ tagħna jikbru u jagħtu riżultati tajbin. Fis-snin li għaddew kellna riżultati tajbin ma’ players ta’ dan it-tip bħal Andrew Cohen, Roderick Briffa u Justin Haber u jien ċert li Clayton se jkun ta’ għajnuna kbira biex jgħinna nilħqu l-għanijiet tagħna.”