Saturday, May 4, 2024

Clean Malta żżid l-isforzi biex jonqos l-iskart fit-toroq

Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, Ramon Deguara

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Filwaqt li rrikonoxxa li hemm lokalitajiet fejn il-problema tal-iskart għadha qed tippersisti, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara saħaq li dan però ma jfissirx li din il-problema tinsab mal-pajjiż kollu.
F’kummenti ma’ dan is-sit, is-Sur Deguara semma kif f’lokalitajiet bħal San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Gżira, fejn hemm popolazzjoni kbira u densa, din il-problema tal-iskart hija l-aktar evidenti.

Huwa semma kif għad hemm sezzjoni tal-poplu li qiegħda tgħid li l-borża s-sewda trid toħroġ aktar spiss. Dan hekk kif qed jiġi nnutat li għad hemm min qiegħed joħroġ din il-borża fil-ġurnata li mhux suppost tinħareġ. Fi kliemu stess, jew qed tinħareġ “b’mod abbużiv” jew inkella għax hemm min ma jafx l-iskeda.

“Irridu nifhmu li t-tender tal-ġbir tal-iskart minn wara l-bieb tad-djar hi kollu responsabbiltà tar-reġjuni. Però, il-Gvern permezz tad-Dipartiment tagħna, naraw kif nistgħu ngħinu. Qed nagħmlu frekwenzi addizzjonali,” qal is-Sur Deguara.
Huwa semma l-investiment li sar f’San Pawl il-Baħar fejn ta’ kuljum filgħaxijiet qed iduru sabiex jiġbru l-iskart minn din iż-żona. Tenna li s-servizz qiegħed hemm però d-domanda hija waħda kbira.

“F’Tas-Sliema, San Ġiljan u l-Gżira tlaqna wkoll fuq programm li filgħaxija qegħdin induru l-lokalitajiet, però f’dik in-naħa l-aktar popolata. Ma nistgħux nidħlu fuq ġewwa. Qed niddiskutu biex naraw jekk inżidux il-frekwenza ta’ tindif min-naħa tagħna wkoll. Naturalment ikollok bżonn aktar makkinarju u riżorsi umani,” tenna d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni.

Sport