Friday, July 5, 2024

COLA prevista ta’ €12.81ċ fil-ġimgħa

Aqra wkoll

Il-kumpens għall-għoli tal-ħajja din is-sena se jkun ogħla minn dak li ngħata s-sena l-oħra. L-aġġustament bil-COLA għal din is-sena huwa previst li jkun ta’ €12.81ċ fil-ġimgħa. Dan l-ammont se jkun qed iżid in-nefqa fuq pensjonijiet għal madwar €100 miljun.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, li se jkun qed iressaq il-Budget 2024 nhar it-Tnejn li ġej, minbarra ż-żieda tal-COLA irrimarka wkoll li fil-Budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern mhux se jżid u lanqas jintroduċi taxxi ġodda. 

Mistoqsi dwar l-għoli tal-ħajja waqt business breakfast li sar ilbieraħ filgħodu, il-Ministru Caruana rrimarka li l-Gvern se jkun qiegħed jalloka madwar €100 miljun aktar f’pensjonijiet flimkien ma’ €350 miljun li se jkunu allokati sabiex l-Gvern ikompli jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils. 

Il-Ministru għall-Finanzi sostna li l-prijorità tal-Gvern hija li jassigura finanzjament b’saħħtu sabiex jagħmel tajjeb għall-miżuri soċjali. 

Irrefera għall-importanza tad-dixxiplina fiskali, dixxiplina li għall-Gvern minn dejjem kienet titqies bħala essenzjali. Il-Ministru Caruana aċċenna wkoll għal sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali li se jkunu qed jgħinu jidentifikaw persuni li jippruvaw jevitaw it-taxxa. 

Dwar l-isfida tal-inflazzjoni f’pajjiżna, il-Ministru rrimarka li d-daqs tas-suq f’pajjiżna minnufih joħloq sfidi minn aspett ta’ kompetizzjoni. Hawn għamel referenza għal dak li kienet sostniet il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Christine Lagarde, dik li r-realtá hi li hemm elementi ta’ ‘inflazzjoni tal-kilba.’

Dwar il-paga minima, il-Ministru għall-Finanzi, qal li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet li kważi ġew konklużi b’rabta ma’ dan bejn l-imsieħba soċjali.

Il-Ministru għall-Finanzi fisser ukoll kif il-Budget għas-sena d-dieħla se jkun qed iwassal fiż-żmien li ġej se jkun qed jinnota investimenti sostanzjali fl-industija tal-manifattura u s-settur finanzjarji.

Ekonomija

Sport