Wednesday, December 25, 2024

Comodini Cachia ma tikkonfermax jekk hux se titfa’ n-nomina: “Se nibqa’ nkun katalista”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’filmat ippubblikat fuq il-midja soċjali il-Ħadd filgħodu, il-Membru Parlamentari Therese Cachia Comodini saħqet li hija kienet qiegħda tilqa’ r-riżultat tal-votazzjoni tal-Kunsilliera tal-PN, għaliex dan kien qiegħed jagħti opportunità lit-tesserati “biex flimkien, infasslu l-preżent u l-futur tal-Partit.”

Minkejja li kienet il-magħżula tal-maġġoranza tal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti biex tieħu post Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni, Comodini Cachia ma kkonfermatx s’issa li se tpoġġi lilha nnifisha fit-tiġrija għall-Kap li mistennija sseħħ fiż-żmien li ġej. 

Hija qalet li “hekk kif kont minn ta’ quddiem biex nagħtu din l-opportunità lit-tesserati se nibqa’ nikkontribwixxi biex naraw lill-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun partit b’saħħtu, partit kredibbli, magħqud u serju.”

“Biex nagħmlu dan irridu naħdmu bit-talenti kollha li għandu x’joffri lill-Partit Nazzjonalista, talenti li diġa’ qegħdin hemm u talenti ġodda. Hekk kif il-votanti li jeleġġu lill-PN fil-Gvern jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta’ ideat hekk ukoll il-futur tal-PN qiegħed f’możajk ta’ talenti li jistgħu flimkien jiggwidawh ‘il quddiem.”

Comodini Cachia tenniet li: “se nibqa’ nkun katalista biex nagħti direzzjoni lil dan il-mżoajk ta’ persuni li flimkien aħna l-futur tal-partit.”

Ekonomija

Sport