Tuesday, December 24, 2024

Conf. Lge – Floriana u Marsaxlokk b’ċans tajjeb li jgħaddu

Aqra wkoll

minn  Cristian Muscat

Illum Floriana u Marsaxlokk ikunu mpenjati fit-tieni leg tal-ewwel round ta’ kwali­fikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League meta jiltaqgħu kontra Tre Penne u Partizan Tirana rispettivament, fejn għandhom ċans li jkomplu javvanzaw. 

F’San Marino Stadium, Floriana jieħdu magħhom vantaġġ ta’ 3-1 wara li fl-ew­wel leg, il-Greens ittrijonfaw wara li ġew maħsuda mal-ftuħ tat-tieni taqsima minn goal ta’ Tommaso Guidi li fetaħ l-iskor għal Tre Penne b’xutt fil-baxx li għeleb għal kollox lid-debuttant goalkeeper, Christoffer Mafoumbi.

Iżda t-team immexxi mill-coach Darren Abdilla, skorja tliet goals fi spazju ta’ tmien minuti minn Ky­rian Nwoko, Dunstan Vella u Thiago Santos. 

Ta’ min isemmi li din se tkun is-27 partita għal Abdilla fil-kompetizzjonijiet Ewropej biex se jaqbeż ir-rekord ta’ Mark Miller tal-aktar coach li mexxa partiti mat-timijiet Maltin … li huma Gzira United (19), Valletta (6) u Floriana (2, inkluża dik tal-lum). 

Din kienet l-ewwel partita tiegħu mal-Greens hekk kif ħa post Mauro Camorane­si.  Huwa kien kuntent b’dak kollu li ra mill-players tiegħu minkejja li bosta minnhom huma ġodda li għad iridu jidraw l-ambjent Malti. 

Peró huma jridu jġibu rispett lill-avversarji minħabba li għandhom players li kapaċi jdawru r-riżultat favur tagħhom. U konxji mill-fatt li se jkunu qed jilagħbu barra minn darna, huwa jrid jinżel bi pjan biex jannulla lil dawn l-attakkanti. 

Se tkun kruċjali min se jiskorjaw l-ewwel goal. Dan minħabba li jekk Floriana jirnexxielhom jagħmlu dan, ikollhom sieq waħda fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni minħabba li l-avversarji jkunu jridu jiskorjaw erba’ goals biex ikomplu javvanzaw. 

Jekk min-naħa l-oħra jkunu Tre Penne li jiftħu l-iskor, dawn jidħlu fil-partita bil-konsegwenza li jkun test ta’ reżiljenza għall-players Furjaniżi. 

Abdilla se jibbaża fuq players stabbiliti bħal Jake Grech, Kyrian Nwoko, Alejandro Garzia, Dunstan Vella u l-aħjar player tal-ewwel leg, Kemar Reid. Barra minn hekk, il-Brażiljan Thiago Santos, jidher li se jkun akkwist mill-aktar importan­ti fejn wera l-potenzjal tiegħu fl-ewwel partita tiegħu.   

Spettaturi attenti għal din il-partita se jkunu l-Portugiżi ta’ Vitoria de Guimaraes li se jkunu l-avversarji li jmiss għal min jikkwalifika minn dan il-konfront. 

Il-logħba se tintlagħab f’San Marino Stadium u tibda fid-8.45 pm.

MARSAXLOKK B’VANTAĠĠ

PSIKOLOĠIKU U MORALI

Marsaxlokk jibdew b’vantaġġ psi­koloġiku u morali hekk kif fis-Centenary Stadium, fis-7.00 pm,  jilqgħu lil Partizan Tirana, wara li fl-ewwel leg, fl-Elbasan Arena, f’Tirana, spiċċaw fi draw ta’ 1-1.  

Bla dubju, dan huwa riżultat mill- aktar pożittiv għat-team immexxi mill-coach, Winston Muscat.  

L-Albaniżi kellhom bidu ferm tajjeb hekk kif wara biss żewġ minuti fetħu l-iskor permezz ta’ Valentin Murataj. Iżda x-Xlukkajri kisbu d-draw wara kwarta logħob minn ġmiel ta’ goal ta’ Yuri Messias. 

Il-partita kienet ferm pjaċevoli, tant, li r-riżultat seta’ mar kull naħa minħabba li ż-żewġ timijiet fallew bosta ċansijiet. 

L-indikazzjonijiet wara dan il- konfront huma li x-Xlukkajri huma attrezzati tajjeb għal dan l-istaġun u teżisti possibbiltá kbira li jistgħu jispiċċaw mal-ewwel erbgħa.

Il-players debuttanti jidhru wkoll li se jkunu validi għall-objettivi tagħhom –  Jefferson de Jesus Santos, Lucas Emmanuel Lopez Dessypris, Alex De Aguiar Gomes, Patrick Carvalho Nonato, Guttiner Heider Fernando Costa Tenorio u Igor Leandro Goularte Do Nascimento.

Huma għandhom il-potenzjal ne­ċessarju u ma tkun l-ebda sorpriża li llum jiksbu l-kwalifikazzjoni għax huma armati tant tajjeb f’kull dipartiment. 

Peró wieħed ma jridx inaqqas mill-mertu li Partizani huma avversarji mill-aktar diffiċli minħabba li huma organizzati tattikament u veloċi teknikament.    

Iżda huma ġew ikkritikati bl-aħrax mill-media lokali wara li naqsu li jegħlbu lix-Xlukkajri. 

Huma fallew milli jirbħu l-kampjonat domestiku bid-differenza tal-goals għas-spejjeż ta’ Egnatia li reb­ħu l-ewwel titlu tagħhom. 

Huma għandhom żewġ players letali, Valentin Murataj u Tedi Cara, li jistgħu jkunu detrimentali għal Marsaxlokk.  

Min-naħa tiegħu, Muscat sostna li l-players jinsabu ferm motivati għal dan il-konfront wara li fl-ew­wel leg iltaqgħu ma’ xi diffikultajiet speċjalment il-loġistika tal-ground f’Tirana li nbidel fl-aħħar jiem.

Madankollu huma jinsabu għat­xana  għal rebħa biex eventwalment jiktbu l-istorja ta’ dan il-club.

Ir-rebbieħ ta’ din il-partita jilgħab kontra FC Iberia 1999 Tbilisi, fir-round li jmiss. 

Ekonomija

Sport