Floriana ……….1
FC Ballkani …..1
(Aggregate: FC Ballkani 5-3)
Minn Cristian Muscat
Wirja qalbiena u riżultat ta’ draw ta’ 1-1 kontra t-team mill-Kosovo, FC Ballkani, ma kinux biżżejjed biex Floriana jiksbu l-passaġġ għat-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League.
Dan wara li fl-ewwel leg fil-Kosovo, il-ġimgħa li għaddiet, huma sfaw megħluba bl-iskor ta’ 4-2 u b’hekk kien jeħtiġilhom li jirkupraw żvantaġġ ta’ żewġ goals, xi ħaġa li sfortunatament ma rnexxilehomx jagħmlu … biex sfaw eliminati b’aggregate ta’ 5-3.
Kienu Floriana li ħarġu tajjeb u wara biss żewġ minuti, konklużjoni mill-viċin ta’ Mustapha Jah intemmet ftit barra.
Huma komplew jippressaw u fit-13-il minuta wara li rċieva minn corner mogħti minn Jake Grech, Federico Varela kellu d-daqqa ta’ ras mblukkata b’diffikultá mid-difiża ta’ FC Ballkani.
Il-Greens komplew jieħdu l-inizjattiva u, fil-35 minuta, wara li rċieva minn free-kick ta’ Grech, Iago Mendonca, kellu d-daqqa ta’ ras mill-viċin tirriżulta bħala waħda kemmxejn erratika, u ntemmet ftit barra.
Huma kien jonqoshom biss il-goal u dan ma damx ma wasal, eżattament fit-38 minuta, meta l-Greens nifdu d-difiża avversarja ċentralment, bil-ballun jintemm għand il-captain DUNSTAN VELLA, li mill-viċin spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka, b’dan ikun vantaġġ mill-aktar meritat għal Floriana.
Iżda kontra x-xejra tal-logħob u fl-ewwel periklu li ħolqu Ballkani, huma kisbu d-draw proprju fil-45 minuta, eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima meta wara żball banali fid-difiża ta’ Floriana minn Charles N’Mombwa, il-ballun intemm għand SUNDAY ADETUNJI li venven xutt b’saħħtu fil-baxx minn barra l-kaxxa, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.
Dan il-goal wassal biex Floriana inaqqsu mir-ritmu ta’ logħob tagħhom fit-tieni taqsima, fejn bdew isibu spazji ferm limitati, b’Ballkani jikkontrollaw tajjeb lill-Greens f’kull dipartiment.
Iżda, fis-86 minuta, Floriana resqu viċin li jerġgħu jmorru fil-vantaġġ meta Jake Grech xeħet cross li sab lil Rui Arias li kellu x-xutt minn taħt il-lasti salvat f’corner bi bravura mill-goalkeeper Kosovan, Adnan Golubovic.
FLORIANA: 3-Guilherme Cioletti, 17-Owen Spiteri (27-Todor Glisovic 80), 34-Iago Mendonca, 2-Lucas Lopez, 25-Gonzalo Gamarra, 24-Charles N’Mombwa, 12-Dunstan Vella (11-Zachary Scerri 67), 8-Jake Grech, 70-Mattia Veselji (94-Rui Areias 67), 19-Mustapha Jah, 10-Federico Varela – Coach: Daniel Portela
FC BALLKANI: 25-Adnan Golubovic, 2-Geralb Smajli, 28-Ivica Batarelo, 32-Bajram Jashanica (4-Gentrit Halili 69), 3-Arber Potoku, 29-Albert Lamane Diene, 8-Giovanni, 7-Bleart Tolaj (11-Walid Hamidi 58), 91-Sunday Adetunji, 11-Almir Kryeziu (23-Loris Kolgeci 82) – Coach: Orges Shehi
referee: Dario Bel (Kroazja)
ASS. refereeS: Ivan Janic, Kristijan Novosel (Kroazja)
RABA’ UFF. Zdenko Lovric (Kroazja)
SKORERS: D. Vella 38 (F), S. Adetunji 45 (B)
AMMONITI: :D. Vella, I. Mendonca, G. Gamarra, C. N’Mombwa, Z. Scerri (F), Giovanni, S. Adetunji (B)