Skond rapporti fil-midja Taljan, il-coach Antonio Conte, qagħad jistenna sal-aħħar minuta biex jara jekk ix-xogħol ta’ Manchester United kienx se jkun disponibbli qabel ma ddeċieda li jimla l-post battal ta’ Tottenham.
It-Taljan inħatar bħala l-manager il-ġdid ta’ Spurs nhar it-Tlieta li għadda wara t-tkeċċija ta’ Nuno Espirito Santo.
Sadanittant, il-pożizzjoni ta’ Ole Gunnar Solskjaer ilha mhedda mit-telfa umiljanti ta’ 5-0 ta’ United kontra r-rivali Liverpool fl-24 ta’ Ottubru, li għadda.
L-ex manager ta’ Juventus, Chelsea u Inter, ħalla kollox għall-aħħar biex jistenna l-pożizzjoni ta’ Solskjaer f’Old Trafford qabel ma għażel li jirritorna fil-Premier League ma’ Tottenham.
Conte kien meqjus bħala wieħed mill-kontendenti ewlenin li jieħu l-impjieg f’Old Trafford.
Iżda minkejja t-telfa umiljanti kontra Liverpool, il-ġerarkija f’Old Trafford baqgħet turi fiduċja fil-manager Norveġiż wara li fis-sajf li għadda ngħata kuntratt ġdid ta’ tliet snin.
Għaldaqstant, Conte ddeċieda li kien iż-żmien opportun biex jingħaqad ma’ Tottenham Hotspur u jmur jgħix f’Londra.
Aktar minn hekk, huwa ngħata €2 miljuni mingħand Inter minħabba ftehim li ma jmurx jikkowċja fl-Italja jekk jitlaqhom.