Saturday, December 21, 2024

COP 26

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa smajna ħafna fuq it-tibdil fil-klima minħabba li l-Prim Ministru Robert Abela żar Glasgow ma’ mexxejja ta’ pajjiżi oħra li attendew għall-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti COP26 bil-għan li jintlaħaq qbil dwar x’għandu bżonn li jsir u x’ser ikunu l-miri l-ġodda li kull pajjiż għandu jagħmel. Dan sabiex jiġu evitati l-effetti diżastrużi tat-tibdil fil-klima. Mhuwiex lok li ndawwru wiċċna minn din ir-realtà imma għandna neħduha bis-serjetà.

Fi kliem il-Prim Ministru stess, ħaġa waħda hija żgur: Jekk ma nagħmlux il-bidliet necessarji, id-dinja kollha se tħallas prezz qares ħafna. Min naħa l-oħra, jekk nagħmlu l-bidliet, minn sfida nistgħu noħolqu opportunitajiet kbar. 

Innutajt ukoll kemm il-Prim Ministru huwa stmat ma’ mexxejja ta’ pajjiżi oħra. Rajnieh jiġi milqugħ minn diversi dinjitarji fosthom mill-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson u s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres. Il-Prim Ministru kellu diskors tajjeb hafna fuq dan is-suggett, fejn wera l-importanza ta’ din il-problema u l-viżjoni tiegħu li rridu naħdmu b’impenn biex tinstab soluzzjoni. Il-problema qiegħda magħna u d-dinja kollha tista’ taffaċċja kriżi fi żmien li ġej. Għaldaqstant, huwa importanti li kull pajjiż jaħdem b’mod kollettiv u mhux individwali. Irridu niġbdu ħabel wieħed. 

Hawn Malta diġà fhimna li hemm problema u kommessi li nagħmlu l-biċċa tagħna wkoll. Qed nuru kif bħala pajjiż ninsabu mpenjati li nagħmlu l-parti tagħna. Urejna dan ukoll b’diversi miżuri fil-baġit għas-sena d-dieħla.

Edwin Vassallo

Bħalissa fil-Parlament qegħdin insegwu diskussjonijiet dwar il-budget li għadna kemm ħabbarna. Tieħu gost issegwi d-deputati tan-naħa tal-Gvern ifakkru minn fejn tlaqna, x’għamilna matul din is-sena u iktar importanti l-viżjoni li għandhom għas-sena d-dieħla u iktar il-quddiem. 

Min naħa l-oħra mbagħad, kif jitkellmu d-deputati min naħa tal-oppożizzjoni taħseb li ġejja l-aħħar tad-dinja. Waqt li kont qed insegwi d-diskussjoni tal-estimi finanzjarji għall-Ministeru tal-Ekonomija, laqgħatni d-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo li ddeskriva l-Gvern Laburista bħala wieħed assenti.

Ma ninsewx li dan l-istess deputat kien fisser il-vouchers li tal-Gvern bħala tal-mistħija u issa żied li għandna ekonomija finta.

Proprju dan huwa d-deficit politiku f’pajjiżna. Filwaqt li għandna Gvern li kontinwament ikun qrib in-nies u jifhem il-bżonnijiet taghhom sabiex joffri politika relevanti u li tagħmel differenza pożittiva f’ħajjithom, in-Nazzjonalisti jibqgħu ibeżżgħu bil-babaw. In-Nazzjonalisti, baqgħu b’politika antikwata u m’għarfux li l-poplu qiegħed jirrikonoxxi l-ħidma sfiqa speċjalment fi żmien il-pandemija li wettaq il-Gvern. Il-poplu mhux jagħti kashom. Il-poplu mhux negattività jrid imma politika moderna li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja.

Kuntatt man-nies

Iktar ma’ jgħaddi ż-żmien iktar qiegħed il-bżonn li l-politiku b’mod kontinwu jrid iżomm kuntatt man-nies. Il-politika lili sservini bħala għodda biex inservi u noffri politika li tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies. Dan nista’ nagħmlu billi nkun qrib iċ-ċittadini li jfehmuni b’mod tangibbli is-sitwazzjonijiet tagħhom f’ċirkustanzi differenti minn ta’ oħrajn. Kemm ilni nagħmel b’mod organizzat iż-żjajjar fil-familji, qiegħed ninduna li l-bżonnijiet ivarjaw minn familja għall-oħra. Filwaqt li wieħed jirrikonoxxi li l-ħidma li wettaqna tul dawn l-aħħar tminn snin kemm ilna fil-Gvern, l-isfidi fil-ħajja mgħaġġla tal-llum jibqgħu dejjem realtà. 

Sar ħafna xogħol biex illum b’wiċċna minn quddiem ngħidu li tejjibna l-kwalità tal-ħajja. Kien dan il-Gvern li applika politika soċjali biex ħadd ma jaqa’ lura. Fil-prattika rajna l-aħħar budget li ħabbarna li jieħu ħsieb minn tarbija li għadha kemm titwieled sal-anzjani. Gvern li wettaq diversi skemi sabiex jiffaċilità l-ħajja speċjalment ta’ dawk li l-aktar għandhom bżonn. Gvern li ma jrid lil ħadd jaqa’ lura. Gvern li jipprattika l-kunċett ta’ solidarjetà bil-fatti.

Dan kollu sar billi saru diversi eżercizzji ta’ konsultazzjoni ma’ firxa wisa’ ta’ ndividwi, entitajiet u l-imsiehba soċjali li kollha poġġew il-quddiem l-interessi tagħhom. Dawn kienu eżerċizzji li rriflettew il-realtà tal-ħajja llum. Xogħol il-Partit Laburista mill-Gvern imbagħad kien li nsawwru politika relevanti li tibbilanċja d-diffikultajiet li ħarġu minn dawn id-diskussjonijiet. Proprju għalhekk il-Prim Ministru għandu viżjoni ċara ta’ fejn irid iwassal lil dan il-pajjiż. Għalhekk inħaddnu politika tan-nies u għan-nies.

Il-kuntatt man-nies huwa essenzjali għal kull politiku biex iħoss il-polz tal-poplu. Hawnhekk tidher id-differenza tal-Partit Nazzjonalista li meta jitkellmu esponenti tiegħu, juru biċ-ċar li maqtugħin mir-realtà. Il-poplu llum huwa intelliġenti biżżejjed biex jagħraf min huwa onest miegħu u min qiegħed joffri l-aħjar futur għall-pajjiżna.

B’dan f’moħħi nibqa’ mpenjat li nżomm kuntatt kontinwu magħkom b’kull mod possibli. Filwaqt li n-nies jirringrazzjawni li dedikajt ħini għalihom, il-grazzi għandha tkun lejhom li laqgħuni fi djarhom u għinuni nifhem aħjar is-sitwazzjoni u r-realtà ta’ pajjiżna. Imbagħad tkun iktar faċli għalija li nipproponi politika aġġornata li tħares lejn faxex u sitwazzjonijiet partikolari fis-soċjetà li jkollhom bżonn iktar attenzjoni minn oħrajn.

Il-Ħadd it-tajjeb.

Ekonomija

Sport