Saturday, December 28, 2024

Coronavirus: Iċ-Ċina tagħlaq għaxar żoni residenzjali oħrajn f’Beijing wara biża’ ta’ mewġa ġdida ta’ każijiet

Aqra wkoll

Aktar kmieni llum iċ-Ċina ssiġillat għaxar żoni residenzjali oħrajn f’Beijing wara numru ta’ każi ġodda ta’ coronavirus ilkoll konnessi ma’ suq tal-ikel qanqlu tħassib dwar il-possibbiltà ta’ mewġa ġdida ta’ infezzjonijiet.

L-awtoritajiet Ċiniżi nhar is-Sibt li għadda għalqu s-suq Xinfadi, l-akbar suq fil-pajjiż għall-bejgħ ta’ laħmijiet u ħxejjex wholesale, wara li aktar minn 40 persuna assoċjati mas-suq irriżultaw pożittivi għall-virus.

Ħdax-il żona residenzjali oħra fl-inħawi tas-suq ukoll ġew issiġillati. Dan filwaqt li l-avvenimenti turistiċi u sportivi kollha ġew ikkanċellati.

Uffiċjal tal-belt, Li Junjie, f’konferenza tal-aħbarijiet li żvolġiet illum qal li numru ta’ każi ġodda nstabu wkoll f’suq ieħor fid-distrett ta’ Haidan.

L-awtoritajiet għalqu temporanjament is-suq, u l-iskejjel kollha fil-viċinanzi ġew ordnati biex jagħlqu. Dan hekk kif għaxar komunitajiet li jgħixu madwar is-suq tpoġġew taħt miżuri ta’ lockdown.

S’issa l-gvern lokali għalaq sitt iswieq wholesale u għamlu arranġamenti alternattivi għall-provvisti tal-ħaxix lil ħwienet.

Intant illum iċ-Ċina bdiet tagħmel testijiet fuq eluf ta’ persuni li żaru s-suq ta’ Xinfadi mit-30 ta’ Mejju ’l hawn. 

Ekonomija

Sport