Friday, December 20, 2024

Couriers “baqgħu mdendlin” … parti mill-ħlas hu bi flus kontanti

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-sitwazzjoni fejn tirrigwarda xi ħaddiema li jaħdmu bħala couriers, il-parti kbira minnhom huma barranin, bdiet tinbidel fl-aħħar xhur u dan hekk  kif kollox qed jindika li x-xejra li kienu jaħdmu biha qabel  qed tkun skartata. Fil-fatt sa ftit tax-xhur ilu,  kien hemm għadd minn dawn il-couriers li kienu qed jitħaddmu bħala self employed.  Issa jidher li nbidlet sew is-sistema fejn anke s-sistema ta’ kif isiru l-ħlasijiet inbidlet. Minkejja dan, għad hemm tħassib dwar il-kundizzjonijiet ta’ dawn l-istess ħaddiema u fuq kollox il-problema biex jiġu organizzati. Sorsi qrib l-industrija meta tkellmu ma’ Talk.mt qalulna li “qed insibuha diffiċli ħafna li dan is-settur  ikun organizzat. Filli tkun qed titkellem ma’ ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur u jkunu qed jispjegaw u jagħtu infomazzjoni ta’ kif jitħaddmu u filli ma tarahomx aktar”.  L-istess sorsi spjegaw li  hemm każi ta’ xi ħaddiema li jaħdmu bħala couriers li għal raġunijiet mhux magħrufin, allegatament qed jitħallsu parti mill-paga bi flus kontanti f’idejhom, xi ħaġa li l-ħaddiema barranin din iħarsu lejha b’mod favorevoli ħafna għax parti  mill-flus jibqgħu f’idejhom. Din ix-xejra jidher li qed twassal biex  xi ħaddiema jkunu jippreferu jaħdmu billi jitħallsu parti mill-ammont bi flus kontanti f’idejhom. 

Fl-aħħar jiem ħaddiema li jaħdmu f’dan il-qasam tkellmu ma’ dan is-sit. Huma għaddewlna ukoll rendikont ta’ kif jitħallsu fejn għal madwar 173 siegħa xogħol dawn tħallsu €770. Il-ħlas tat-taxxa li nqatgħatilhom mill-paga kien ta’ €70. Ma’ dawn imbagħad allegatament isir ħlas ta’ bejn €50 u €100 fi flus kontanti. L-istess ħaddiema qalulna li dawk il-173 siegħa xogħol huma l-ammont stipulat mill-awtoritajiet bħala xogħol, imma fil-fatt huma jagħmlu aktar sigħat. Il-ħaddiema li tkellmu magħna qalulna li ta’ dawn is-sigħat żejda qed jitħallsu bi flus kontanti.  F’linji gwida li kienu nħarġu kien intqal li s-sigħat li jsiru aktar minn 173 siegħa f’xahar kellhom jitħallsu bir-rata ta’ siegħa u nofs ħlas għal kull siegħa. 

Fil-fatt mill-analiżi li għamlet Talk.mt ta’ dawn il-pagamenti jidher li dawn għandhom il-ħlas ta’ kemm hi l-paga bażika,  u t-tnaqqis tas-sigurtà soċjali. 

Sorsi li tkellmu magħna qalulna li “dan hu settur li għadu mhux regolat. Hemm linji gwida li nħarġu mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali, imma mhux ċar kemm hawn li qed isegwuhom. Sa issa kien hawn żgur  kumpanija waħda li ddikjarat li qed timxi ma’ dawn il-linji gwida u din kienet Recruitgiant, għalkemm meta bdiet tħaddimhom din tilfet ammont ta’ ħaddiema li f’daqqa waħda iddeċidew li jmorru ma’ xi ħadd ieħor.

Intant ħaddiema li tkellmu ma’ Talk.mt qalulna li “kien hemm tibdil minn kif konna qegħdin nitħaddmu fil-bidu. Qabel konna impjegati bħala self employed. Konna qegħdin nitħallsu €4.25 għal kull biċċa xogħol li tkun tinkorpora sa tliet kilometri. Għal kull kilometru li l-ħaddiem isuq lil hinn mit-tliet kilometri, il-ħlas kien jiżdied b’€0.40ċ. Minn dan kien jitnaqqas il-ħlas lill-kumpanija”.

L-istess ħaddiema ddikjaraw magħna li “llum is-sitwazzjoni nbidlet. Is-sistema tal-ħlas hi kompletament differenti. Qegħdin jitħallsu €1.40 meta aħna niġbru l-ikel mir-ristorant, u nitħallsu €1.60 oħra kif jitwassal. Ma’ dawn nitħallsu €0.40 għal kull kilometru li nagħmlu. Hemm sitwazzjoni fejn minn dan l-ammont, xi kumpaniji qed jieħdu nofs il-ħlas.” 

Ta’ min jgħid li kien ġie stabbilit mill-awtoritajiet li 2.2 ‘deliveries’ huma ekwivalenti għal siegħa xogħol. Xahar xogħol kien ġie stabbilit li jkun kompost minn 173 siegħa xogħol jew 380 ‘deliveries’.

Ekonomija

Sport