Fl-aħħar aġġornament dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li l-każi attivi bħalissa huma ta’ 6,926.
Dan hekk kif mit-testijiet li saru matul l-aħħar 24 siegħa feġġew 285 każ ġdid filwaqt li 1,296 oħra ġew dikjarati bħala mfejqa mill-virus.
Fl-istess waqt l-ammont ta’ pazjenti li bħalissa jinsabu l-Isptar Mater Dei għall-kura minħabba l-Covid-19 huma 100, bi tmienja minnhom li jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
L-ammont ta’ mwiet issa huwa ta’ 525 wara li fl-aħħar 24 siegħa mietet anzjana ta’ 89 sena u tliet irġiel li kellhom 79,81 u 86 sena rispettivament waqt li kienu pożittivi għall-virus.
Il-programm ta’ vaċċinazzjoni baqa’ għaddej b’mod tajjeb hekk kif l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li sal-bieraħ b’kollox ingħataw 1,191,768 doża tal-vaċċin. Minn dawn hemm 320,386 li huma dożi tal-booster.