Filwaqt li l-attakkant internazzjonali Portugiż, Cristiano Ronaldo, offra lilu nnifsu biex jerġa’ jingħaqad ma’ Real Madrid f’Jannar li ġej, il-club Spanjol għalaq il-bieb għal din il-possibbiltá.
Huwa se jiġi mkeċċi minn Manchester United wara li dawn bdew proċess legali biex jiġi kkanċellat il-kuntratt tiegħu wara li ta intervista li fiha riegħed l-għeruq tal-club li fiha attakka lis-sidien, lid-diriġenti, lill-coach Erik ten Hag, lil bosta players u eks-players u saħansitra lill-players żgħażagħ.
Real Madrid kienu diġá rrifjutaw l-opportunità li jerġgħu jiffirmaw lil Ronaldo fis-suq tat-trasferimenti tas-sajf li għadda meta ġew avviċinati mill-aġent tiegħu Jorge Mendes.
U issa, il-Madrileni adottaw l-istess pożizzjoni qabel it-tieqa tat-trasferimenti ta’ Jannar peress li m’għandhom l-ebda interess li jiffirmaw lil Ronaldo għat-tieni darba.
Anke jekk għandhom bżonn sostitut tal-attakkant Karim Benzema li sofra injury waqt it-taħriġ ma’ Franza qabel ma bdiet it-Tazza tad-Dinja … huma xorta waħda jridu jżommu ‘l bogħod minn Ronaldo.