Saturday, October 26, 2024

Wirja qalbiena mhux biżżejjed għall-Maltin kontra l-Irlanda

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Malta……………..0

Irlanda…………..1

Fit-tieni partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet f’temp ta’ erbat ijiem, wirja qalbiena ma kinitx biżżejjed għat-team nazzjonali Malti hekk kif safa megħlub mill-Irlanda bl-iskor minimu ta’ 1-0, bil-goal uniku għalihom jasal minn Callum Robinson wara li approfitta bis-sħiħ minn żball banali fid-difiża tal-captain Matthew Guillaumier.

Il-Maltin komplew jibnu fuq id-draw pożittiv ta’ 2-2 li kisbu kontra l-Greċja u ma kienu jisirqu xejn li kieku ħarġu mill-pitch almenu bi draw.

Min-naħa tagħhom l-Irlandiżi kellhom wirja pożittiva, għalkemm naqsu ftit mir-ritmu wara li rnexxielhom isibu x-xibka fil-55 minuta permezz tal-player Callum Robinson.

Kienu l-Maltin li ħolqu l-ewwel periklu fit-12-il minuta meta Alex Satariano għadda tajjeb lejn Jodi Jones li kellu x-xutt fil-baxx tiegħu minn pożizzjoni ferm ideali jiġi salvat minn mal-art mill-goalkeeper Irlandiż ta’ Liverpool, Caiomhin Kelleher.

Pajjiżna kompla fuq l-offensiva u erba’ minuti wara Joseph Mbong ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda għadda ftit għoli.

Fl-20 minuta, il-kowċ Malti Gilbert Agius kien kostrett jaffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ għal pajjiżna il-plejer Bjorn Kristensen, biex minfloku daħal jilgħab sieħbu l-plejer ta’ Hibernians, Dunstan Vella.

L-Irlandiżi wieġbu għall-ewwel darba fit-43 minuta meta Matt Doherty għadda tajjeb lejn Alan Browne, li minn quddiem il-goalkeeper Malti Henry Bonello tefa’ inkreddibilment barra, bil-Maltin jeħilsuha ħafif.

L-Irlanda fetħu l-iskor fil-55 minuta meta Matthew Guillaumier għadda pass erratiku lura li minnu approfitta l-plejer CALLUM ROBINSON li tefa’ f’lasta vojta.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u sitt minuti wara, Jamie McGrath indirizza freekick għan-nofs li sab lil Alan Browne li kellu d-daqqa ta’ ras b’saħħitha u ċentrali tiegħu tiġi salvata mingħajr wisq diffikultá minn Henry Bonello.

Malta wieġbet fis-67 minuta meta Joseph Mbong serva fuq platt tal-fidda lis-sostitut Steve Pisani li kellu x-xutt tiegħu eżatt minn tarf il-kaxxa li ġie salvat bi bravura minn mal-art minn Kelleher.

L-Irlandiżi tilfu ċans tad-deheb li jirduppjaw l-iskor fis-87 minuta meta s-sostitut Callum O’Dowda kellu xutt angulat minn ġol-kaxxa li stampa ma’ sieq il-wieqfa.

Il-Maltin għamlu minn kollox sabiex iġibu l-iskor indaqs iżda sabu difiża ferm kumpatta u organizzata Irlandiża li annullat għal kollox l-attakki tagħhom.

Malta: 1-Henry Bonello, 2-Jean Borg, 3-Ryan Camenzuli, 4-Ferdinando Apap (5-Kurt Shaw 72), 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong, 13-Enrico Pepe, 14-Alex Satariano (9-Luke Montebello 72), 17-Teddy Teuma (26-Kyrian Nwoko 88), 19-Bjorn Kristensen (22-Dunstan Vella 20) (10-Steve Pisani 52), 23-Jodi Jones (20-Luke Gambin 66) Coach: Gibert Agius

Irlanda: 16-Caiomhin Kelleher, 2-Seamus Coleman, 3-Matt Doherty, 5-John Egan, 6-Josh Cullen, 7-Callum Robinson (19-Mark Sykes 85), 8-Alan Browne (13-Jeff Hendrick 66), 11-James McClean (17-Callum O’Dowda 66), 12-Nathan Collins, 18-Jamie McGrath, 20-Chiedozie Ogbene (24-Evan Ferguson 76) Coach: Stephen Kenny

Referee: Chrysovalantis Theouli (Ċipru)

Ass. Referees: Ioannis Lazarou, Marios Dimitriadis (Ċipru)

Raba’ Uffiċjal: Trustin Farrugia Cann (Malta)

Skorers: C. Robinson 55 (I)

Ammoniti: N. Collins (I), E. Pepe (M)

Sport