Saturday, May 4, 2024

Cyrus Engerer appuntat negozjatur fuq żewġ derogi importanti għal Malta dwar il-mediċini mir-Renju Unit

Aqra wkoll

Il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer għadu kif ġie appuntat bħala n-negozjatur tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew, fuq żewġ derogi relatati mal-bejgħ ta’ mediċini Brittaniċi lejn Malta, l-Irlanda u Ċipru. 

‘Inħossni onorat li l-kollegi mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi għoġobhom jafdawni biex ninnegozja l-pożizzjoni tagħhom fuq dawn iż-żewġ derogi, u wisq aktar fuq il-fatt li ser inkun qed naħdem direttament fuq kwistjoni li hija tant importanti u kruċjali għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin,’ ikkummenta Engerer wara li rċieva l-aħbar dwar dawn iż-żewġ ħatriet.

Dawn iż-żewġ derogi huma essenzjali għal Malta, hekk kif mediċini li huma prodotti fir-Renju Unit, bir-regoli tal-Brexit mhux ser jibqaw aċċessibli għall-bejgħ fis-suq Ewropew, inkluż f’Malta. Madankollu, Malta flimkien ma Ċipru u l-Irlanda, minn dejjem kellhom dipendenza fuq mediċini Brittaniċi, u għaldaqstant permezz ta’ dawn iż-żewġ derogi, ser nassiguraw b’mod twil temporanju li dawn il-pajjiżi mhumiex ser ibatu minn nuqqas ta’ provista ta’ mediċini.

‘Dejjem sħaqt li kull meta ċittadin jidħol ġo spiżerija, għandu jkollu s-serħan il-moħħ li ser ikollu aċċess għall-mediċina li jaf, imdorri juża u li jafda,’ kompla Engerer. ‘Allura, ma nistawx nħallu ċ-ċittadini tagħna jbatu l-konsegwenzi tal-Brexit fuq prodotti daqshekk essenzjali”, saħaq Engerer. 

Huwa wiegħed li matul il-ġimgħat li ġejjin se jkun qiegħed jaħdem b’mod dirett ma’ sħabu mill-partiti politiċi l-oħrajn fil-Kumitat tas-Saħħa biex jintlaħaq qbil sodisfaċenti għaċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin. 

Sport